Bord tad-Diretturi
Skont it‑termini tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Kap. 204, il‑Bord tad‑Diretturi hu responsabbli għall‑politika u l‑amministrazzjoni ġenerali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, ħlief fir‑rigward tal‑funzjonijiet imposti, u l‑eżerċizzju tal‑poteri mogħtija lill‑Bank mit‑Trattat jew taħt it‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea u t‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea jew il‑protokoll dwar l‑Istatut tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal‑Bank Ċentrali Ewropew anness mat‑Trattat. Il‑Bord jikkonsisti mill‑Gvernatur, żewġ Deputati Gvernaturi, u erba' diretturi oħra.
Wieħed mid‑Deputati Gvernaturi jappoġġa lill‑Gvernatur permezz ta' dmirijiet relatati mal‑politika monetarja u dmirijiet oħra kif jippreskrivi l‑Gvernatur. It‑tieni Deputat Gvernatur jappoġġa lill‑Gvernatur permezz ta' dmirijiet relatati mal‑istabbiltà finanzjarja u dmirijiet oħra kif jippreskrivi l‑Gvernatur.
Il‑Gvernatur għandu r‑responsabbiltà esklussiva għat‑twettiq tal‑funzjonijiet imposti, u għall‑eżerċizzju tal‑poteri mogħtija lill‑Bank mit‑Trattati jew taħt it‑Trattati u l‑Istatut. Il‑Gvernatur u ż‑żewġ Deputati Gvernaturi huma responsabbli għat‑tmexxija ta' kuljum u għall‑operazzjonijiet tal‑Bank skont il‑politika tal‑Bord, u huma responsabbli fil‑konfront tal‑Bord għall‑azzjonijiet u d‑deċiżjonijiet tagħhom.
Il‑Gvernatur u d‑Deputati Gvernaturi jinħatru mill‑President ta' Malta fuq parir tal‑Kabinett tal-Ministri. Il‑Membri l‑oħra tal‑Bord jinħatru mill‑Prim Ministru. Kemm il‑Gvernaturi kif ukoll il‑Membri tal‑Bord jinħatru għal perjodu ta' ħames snin, iżda huma eliġibbli biex jerġgħu jinħatru. Il‑Bank għandu responsabbiltà fil‑konfront tal‑Kamra tar‑Rappreżentanti u l‑Gvernatur jista' jiġi mitlub li jirrapporta darba kull sitt xhur dwar it‑tmexxija tal‑Bank quddiem kumitat tal‑Kamra tar‑Rappreżentanti, li bħalissa hu l‑Kumitat għall‑Ekonomija u l‑Affarijiet Finanzjarji, u li jipprovdi lill‑kumitat bi kwalunke informazzjoni meqjusa bħala neċessarja.
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, ħabbar li mill-1 ta' Awwissu 2024 mhux ser jibqa' jeżerċita l-funzjoni tiegħu għal perjodu temporanju sabiex jiddedika aktar ħin biex jiddefendi l‑innoċenza tiegħu li huwa jafferma mill‑ġdid, sakemm jintemmu l‑proċeduri tal‑qorti. Il-Gvernatur innomina lis-Sur Alexander Demarco, Deputat Gvernatur, biex jaqdi d-dmirijiet tal-Gvernatur kif provdut fl-Artikolu 8 tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta.
(Fotografu: Domenic Aquilina)