Programm ta' Xiri ta' Emerġenza Pandemika (PEPP)
Il‑programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP) tal‑Bank Ċentrali Ewropew huwa miżura straordinarja tal‑politika monetarja mħabbra u mnedija f'Marzu tal‑2020 sabiex jikkontrolla r‑riskji serji għall‑mekkaniżmu tat‑trażmissjoni tal‑politika monetarja u l‑prospetti għaż‑żona tal‑euro kkawżati mill‑imxija tal‑coronavirus (COVID‑19).
Il‑PEPP huwa programm temporanju ta' xiri ta' assi ta' titoli tas‑settur pubbliku u dak privat. Il‑Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid il‑pakkett inizjali ta' €750 biljun b'€600 biljun fl-4 ta' Ġunju 2020 u b'€500 biljun fl-10 ta' Diċembru 2020, għal total ġdid ta' €1,850 biljun. Il‑kategoriji kollha ta' assi eliġibbli taħt il‑programm eżistenti ta' xiri ta' assi huma eliġibbli wkoll taħt il‑programm ġdid. Taħt il-PEPP, it-titoli maħruġin mill-Gvern Grieg jistgħu jinxtraw minħabba li ngħataw permess ta' rinunzja. Minbarra dan, il‑karta kummerċjali mhux finanzjarja issa hija eliġibbli għal xiri, kemm taħt il‑PEPP kif ukoll taħt il‑programm ta' xiri mis‑settur korporattiv. Il‑maturità residwa ta' titoli tas‑settur pubbliku eliġibbli għal xiri taħt il‑PEPP tvarja minn 70 ġurnata għal massimu ta' 30 sena u 364 ġurnata.
Għax‑xiri ta' titoli tas‑settur pubbliku taħt il‑PEPP, l‑allokazzjoni ta' parametru referenzjarju fost il‑ġuriżdizzjonijiet hija bbażata fuq l-iskema kapitali tal‑banek ċentrali nazzjonali. Fl‑istess waqt, ix‑xiri ser jitwettaq b'mod flessibbli u skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Dan isir bil-ħsieb li jiġi evitat issikkar tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament li huwa inkonsistenti mal-ġlieda kontra l-impatt 'l isfel tal-pandemija fuq id-direzzjoni proġettata tal-inflazzjoni. Dan jippermetti ċaqliq fid‑distribuzzjoni tal‑flus, u tax‑xiri maż‑żmien, fost il‑klassijiet ta' assi u l‑ġuriżdizzjonijiet.
Fis-16 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwaqqaf ix-xiri nett tal-assi taħt il-PEPP fl-aħħar ta' Marzu 2022. Il-pagamenti prinċipali li jimmaturaw minn titoli mixtrija taħt il-PEPP ser jerġgħu jiġu investiti mill-ġdid, sa mill-inqas tmiem l-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP ser tiġi mmaniġġjata biex tiġi evitata interferenza max-xejra monetarja xierqa.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jipparteċipa wkoll fil‑PEPP, bix‑xiri ta' Titoli tal‑Gvern ta' Malta minn kontropartijiet eliġibbli.