Payment Systems

Pagamenti

Waqt li l-flus kontanti huma valuta legali u għalhekk huma l-bażi tas-sistema monetarja, l-iżvantaġġi tal-użu tagħhom f'ekonomija moderna qed isiru dejjem iżjed evidenti. B'mod partikolari, l-użu tal-flus kontanti jinvolvi trasferiment fiżiku lill-benefiċjarju, li jagħmilha ineffiċjenti li jiġi pproċessat u mmaniġġjat. Fuq kollox, il-flus kontanti jevitaw is-sistema bankarja u għalhekk huma aktar suxxettibbli li jintużaw fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Min-naħa l-oħra, il-pagamenti qed isiru dejjem iżjed permezz ta' strumenti ta' pagament bla flus kontanti, inklużi kards tal-kreditu u tad-debitu, transferimenti ta' kreditu u debiti diretti. Waqt li ċ-ċekkijiet dejjem kienu l-istrument ta' pagament tradizzjonali mhux bi flus kontanti magħżul f'Malta, is-servizzi ta' pagamenti elettroniċi jesponu l-ispejjeż u l-ineffiċjenzi tal-ipproċessar taċ-ċekkijiet.

Servizzi effiċjenti u affidabbli ta' pagament huma essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-ekonomija. Bl-introduzzjoni tal-euro, Malta saret membru sħiħ tal-Eurosistema, li għandha l-għan li toħloq suq waħdieni ta' pagament għall-euro u li tħeġġeġ l-armonizzazzjoni u l-effiċjenza tal-pagamenti, domestiċi u transkonfinali bl-euro, f'termini ta' prestazzjoni u spejjeż. It-tliet għanijiet ewlenin tal-politika tal-Eurosistema, f'termini ta' sistemi ta' pagament, jinkludu:

  • il-promozzjoni tat-trasparenza fit-tħaddim ta' sistemi u servizzi ta' pagament;
  • il-monitoraġġ tad-determinazzjoni tat-tariffi u l-imposti;
  • l-inkoraġġiment tal-kompetizzjoni, l-effiċjenza u l-aċċess għas-suq.