Currency

Flus

Sa mit‑twaqqif tiegħu fl‑1968, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) ħa f'idejh ir‑responsabbiltà għall‑ħruġ u l‑kontroll tal‑karti tal‑flus u tal‑muniti f'Malta. L‑ewwel serje tal‑karti tal‑flus Maltin kienet ħarġet mill‑Bank Ċentrali ta' Malta f'Settembru tal‑1969. Matul dawn is‑snin, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ diversi serje ta' karti tal‑flus, bl‑aħħar tkun il‑ħames waħda li ħarġet f'Settembru tal‑1989.

Fis‑16 ta' Mejju 1972, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ l‑ewwel serje tiegħu tal‑muniti deċimali. Qabel din id‑data, Malta kienet għadha tuża muniti Inġliżi. L‑ewwel muniti deċimali Maltin kienu jikkonsistu fil‑muniti tal‑50 ċenteżmu, tal‑10 ċenteżmi, tal‑5 ċenteżmi, taż‑2 ċenteżmi, taċ‑ċenteżmu, tal‑5 milleżmi, tat‑3 milleżmi u taż‑2 milleżmi. Maż‑żmien, ġew introdotti l‑munita tal‑25 ċenteżmu u l‑munita tal‑Lm1.

Bl‑introduzzjoni tal‑euro f'Malta fl‑1 ta' Jannar 2008, il‑Bank Ċentrali ta' Malta sar responsabbli mill‑ħruġ tal‑karti tal‑flus tal‑euro skont il‑prinċipji u r‑regoli stabbiliti fl‑Eurosistema.

Il-Bank hu responsabbli wkoll biex jiġu żgurati l‑kwalità u l‑awtentiċità tal‑flus fiċ‑ċirkolazzjoni. Il-Currency Operations Office jissorvelja l‑flus fiċ‑ċirkolazzjoni, kif ukoll il‑flus foloz u l‑flus li jqajmu suspett.  Karti tal‑flus li ma jkunux tajbin għaċ‑ċirkolazzjoni jiġu rtirati u meqruda regolarment u minflokhom jinħarġu karti tal‑flus ġodda. L-istess Uffiċċju jassigura wkoll li l-proporzjon ta’ denominazzjonijiet differenti fiċ‑ċirkolazzjoni jirriflettu d‑domanda.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ ukoll muniti tal‑euro f’isem il‑Gvern ta’ Malta. L‑ammont ta’ muniti maħruġa hu soġġett għall‑approvazzjoni minn qabel tal‑Bank Ċentrali Ewropew skont l‑Artikolu 128 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea. Kultant żmien, il‑Bank joħroġ ukoll muniti kommemorattivi taż‑€2, kif ukoll muniti oħra ta’ metalli prezzjużi li jkunu valuta legali.