Missjoni tal-Bank
Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) hu istituzzjoni indipendenti li tifforma parti integrali mill-Eurosistema kif ukoll membru tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). L-għan ewlieni tal-Bank hu li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Il-Bank hu fdat bir-responsabbiltajiet ewlenin ta' bank ċentrali, partikolarment dik li jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
Il-Bank jaqdi d-dmirijiet statutorji tiegħu fl-interess pubbliku u hu impenjat li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod effettiv, effiċjenti u ekonomiku, bl-ogħla livell ta' integrità, kompetenza u trasparenza. F'dan ir-rigward, skont l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, u f'konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Bank:
- iwettaq analiżi u riċerka ekonomika u finanzjarja biex jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-Gvernatur fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u jagħti pariri indipendenti lill-Gvern dwar kwistjonijiet ta' politika ekonomika u finanzjarja;
- jimplimenta l-politika monetarja tal-BĊE permezz ta' operazzjonijiet tas-suq imwettqa fi ħdan il-qafas operazzjonali tal-Eurosistema;
- jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja billi jidentifika u jevalwa r-riskji u l-iżbilanċi sistemiċi u jipprovdi r-rakkomandazzjonijiet xierqa għall-politika finanzjarja;
- ifassal u jimplimenta politika makroprudenzjali sabiex jitwettaq il-kompitu tal-Bank bħala l-awtorità makroprudenzjali nazzjonali;
- jippromwovi u jappoġġja l-iżvilupp u l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji f'Malta permezz ta' sorveljanza tal-infrastrutturi tas-suq u billi jiżgura d-disponibbiltà ta' sistemi ta' saldu u pagament ta' titoli b'mod effiċjenti f'termini ta' spejjeż;
- jissupplixxi provvista xierqa ta' karti tal-flus u muniti sabiex jissodisfa d-domanda tal-pubbliku, filwaqt li jiżgura l-ogħla kwalità u l-awtentiċità tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni;
- jiġbor, jikkompila u jippubblika statistika ekonomika u finanzjarja skont standards internazzjonali;
- jaġixxi bħala bankier għall-Gvern u għas-sistema bankarja;
- iżomm u jimmaniġġja assi finanzjarji b'mod attiv bil-għan li jottimizza l-qligħ, soġġett għal prattiki prudenti għall-maniġġ tar-riskji,
- jipparteċipa b'mod attiv fis-SEBĊ, fl-Eurosistema u f'korpi tal-Unjoni Ewropea rilevanti oħra, inklużi s-sottostrutturi tagħhom;
- jaġixxi bħala l-awtorità superviżorja tal-aġenziji ta' referenza tal-kreditu għall-fini li jissorvelja u jirregola l-ħruġ tal-evalwazzjonijiet ta' kreditu.
Barra minn hekk, bħala membru tal-Eurosistema, il-Bank jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-missjoni, l-għanijiet strateġiċi u l-prinċipji organizzattivi tal-Eurosistema.