Statistika
Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) hu responsabbli għall-ġbir, il-produzzjoni u t-tixrid ta' firxa wiesgħa ta' statistika monetarja u finanzjarja f'konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Bħala membru tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), il-Bank iwettaq il-funzjoni statistika tiegħu f'konformità kemm
mal-Impenn Pubbliku dwar l-Istatistika Ewropea kif ukoll dik
tal-Governanza tal-Istatistika u l-Governanza tal-Qafas ta' Kwalità tas-SEBĊ
.
Data u statistika monetarja u finanzjarja tajba sservi ta' appoġġ lill-Bank fit-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll il-ħidma tal-BĊE u tal-Eurosistema, speċjalment fl-oqsma tal-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja, ir-riċerka ekonomika u l-analiżi.
Fuq livell nazzjonali, il-Bank għandu responsabbiltà li jiġbor id-data u l-istatistika primarjament fl-oqsma monetarji u bankarji, is-swieq finanzjarji, l-istabbiltà finanzjarja u s-sistemi ta' pagament. Biex jappoġġa lill-istituzzjonijiet ta' rapportar sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' rapportar statistiku tagħhom, il-Bank jagħmel disponibbli formoli ta' rapportar u struzzjonijiet, flimkien ma' noti ta' gwida ġenerali.
Il-Bank jiġbor ukoll statistika dwar il-Kontijiet Finanzjarji. Barra minn hekk, jikkontribwixxi għall-kompilazzjoni mil-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Pożizzjoni tal-Investiment Internazzjonali ta' Malta. Il-Bank huwa responsabbli għall-istatistika dwar id-Dejn Estern ta' Malta, ir-Riżervi Esterni Grossi, kif ukoll ir-Riżervi Uffiċjali. Id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-Bank u l-NSO fil-qasam tal-istatistika uffiċjali hija rregolata minn Memorandum ta' Ftehim bejn il-Bank, l-NSO u l-Awtorità Maltija tal-Istatistika.
Barra minn hekk, il-Bank jiġbor firxa ta' indikaturi tal-ekonomija reali, inklużi dawk miġbura permezz ta' stħarriġ kampjunarju, li jkopru l-iżviluppi domestiċi u internazzjonali. Fuq is-sit elettroniku, il-Bank jippubblika b'mod regolari statistika oħra u joħroġ ukoll Kalendarju Antiċipat bid-dati tal-ħruġ.
Il-Bank jipparteċipa wkoll fl-Istandard Speċjali għall-Pubblikazzjoni tad-Data Plus (SDDS+) tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li stabbilixxa rekwiżiti u prattiki mmirati lejn it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà, l-integrità u l-kwalità tal-istatistika ekonomika u finanzjarja mxerrda.
Bħala parti mill-Eurosistema, il-Bank jippublika firxa ta' data u statistika lill-BĊE. L-istatistika għal Malta tista' tiġi aċċessata wkoll permezz tas-servizzi tad-data statistika tal-BĊE, minn fejn wieħed jista' jqabbel mal-indikaturi korrispondenti kemm għaż-żona tal-euro u kemm mal-pajjiżi l-oħra f'din iż-żona.
Għal aktar informazzjoni, tista' tikkuntattjana hawn.
Jekk ma tismax mingħandna fi żmien tlett ijiem tax-xogħol, inti ġentilment mitlub tikkuntattjana bit-telefown sabiex taċċerta ruħek li l-Bank verament irċieva l-email tiegħek.