Payment Systems

Proċess għall-ilmenti fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi ta’ pagament

Jekk Utent ta' Servizzi ta' Pagament (PSU) ma jkunx sodisfatt bis-servizz finanzjarju pprovdut minn Fornitur tas-Servizzi ta' Pagament (PSP) liċenzjat f'Malta, il-PSU jista' jagħmel użu mill-għażliet li ġejjin:

1. Tressaq ilment lill-PSP

Jekk PSU jiltaqa' ma' problema bis-servizzi pprovduti minn PSP, il-PSU għandu jikkuntattja lill-PSP ikkonċernat direttament permezz tal-proċedura tal-ilmenti ta' dan tal-aħħar. L-informazzjoni dwar kif għandu jiġi ppreżentat ilment tista' normalment tinstab fuq is-sit elettroniku tal-PSP u fuq it-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizz finanzjarju kkonċernat. Il-PSP huwa obbligat jipprovdi tweġiba fi żmien ħmistax-il (15) jum tax-xogħol minn meta jirċievi l-ilment.

2. Irreferi l-ilment lill-Bank Ċentrali ta' Malta

Il-PSU jista' wkoll jibgħat l-ilment lill-Bank Ċentrali ta' Malta billi jżur is-sit elettroniku tal-Bank jew billi jibgħat ilment bil-miktub lil:

Bank Ċentrali ta' Malta
Pjazza Kastilja
Valletta VLT 1060
Malta

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fl-ilment tiegħek:

  • L-Identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna li qiegħda tressaq l-ilment;
  • Indikazzjoni dwar jekk il-persuna li qiegħda tressaq l-ilment hijiex persuna natural jew legali;
  • Indikazzjoni dwar jekk il-persuna li qiegħda tressaq l-ilment hijiex PSU jew le;
  • L-identità tal-PSP involut; u
  • Deskrizzjoni qasira u ċara tas-sitwazzjoni li wasslet għall-ilment.

3. Irreferi l-ilment lill-Uffiċjal tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji

Jekk il-PSU ma jkunx sodisfatt bit-tweġiba pprovduta mill-PSP u/jew mill-Bank Ċentrali ta' Malta, jista' jitressaq ilment lill-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji (Arbitru) li huwa l-entità finanzjarja nnominata għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim. Din għandha s-setgħa li taġixxi ta' medjatur, investigatur, u arbitru ta' lmenti mressqa minn ilmentaturi kontra PSPs liċenzjati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta.

Aktar informazzjoni dwar l-Arbitru tista' tinkiseb billi ċċempel fuq (+356) 80072366, (+356) 21249245 jew (+356) 79219961, jew billi żżur is-sit elettroniku tal-Arbitru.