Ħruġ ta’ Muniti Numismatiċi
F'Novembru 1972, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ l‑ewwel muniti numismatiċi bħala valuta legali mhux għaċ‑ċirkolazzjoni. Dawn kienu jikkonsistu minn sett ta' muniti tad‑deheb u tal‑fidda maħruġa flimkien mal‑Ordni Militari Sovran ta' Malta li hu bbażat f'Ruma. Il‑muniti ġew stampati fiz‑zekka tal‑Ordni f'Ruma. Fis‑snin ta' wara, inħarġu settijiet oħra tad‑deheb u tal‑fidda flimkien mal‑Ordni, ħaġa li kienet strumentali għat‑twaqqif taz‑Zekka ta' Malta fl‑1973, u wara dan, il‑muniti ta' metalli prezzjużi bdew jiġu prodotti hawn Malta.
Iz‑Zekka ta' Malta waqqfet l‑operazzjonijiet fl‑1995. L‑aħħar munita numismatika li ġiet prodotta kienet munita tal‑fidda maħruġa biex tfakkar il‑25 anniversarju tal‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑1993. Il‑muniti numismatiċi li nħarġu wara ġew stampati fir‑Royal Mint tar‑Renju Unit, fir-Royal Dutch Mint, u fir‑Royal Belgian Mint.
Muniti numiżmatiċi jinbiegħu mill-counter tal-Malta Coin Centre fil-bini prinċipali tal-Bank, miftuħ matul il-ġimgħa mit-08:00am sa 12:00pm. Ix‑xiri jista' jsir ukoll permezz tal‑e‑shop. Żomm ruħek aġġornat/a dwar ħruġ ta' muniti ġodda billi ssegwi l-paġna tal-Malta Coin Centre fuq Facebook.
In-Numismatics and Historical Publications Advisory Board (NHPAB) twaqqaf fl-2017 sabiex jipproponi temi għall-programmi dwar muniti kommemorattivi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u sabiex jaġixxi bħala bord editorjali għall-pubblikazzjonijiet storiċi. L-NHPAB ħa dan l-irwol mill-Currency Advisory Board. L-NHPAB hu ppresedut mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, u ċ-Chief Officer Banking Operations, il-Prof. John Chircop, Dr Lillian Sciberras u Dr Mario Brincat huma membri ta' dan il-Bord. Is-segretarju huwa Kevin Cassar, il-Kuratur tal-Mużew tal-Bank Ċentrali.