About Us

Rwol tagħna

Rwol

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) twaqqaf bl‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta fis‑17 ta' April 1968. Fl‑1 ta' Mejju 2004 il‑Bank issieħeb fis‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u fl‑1 ta' Jannar 2008 sar parti mill‑Eurosistema.

L‑għan ewlieni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta bħala membru sħiħ fl‑Eurosistema huwa li jinżamm l‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Biex jilħaq dan il‑għan, il‑Bank jieħu sehem fit‑tħejjija u fit‑teħid tad‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Eurosistema. Minbarra dan il‑għan, il‑Bank għandu responsabbiltajiet oħra elenkati fl‑istqarrija tal‑missjoni tiegħu. Il‑Bank jikkollabora wkoll ma' awtoritajiet lokali u istituzzjonijiet internazzjonali dwar affarijiet ta' interess komuni.

Il‑Bank jikkollabora ma' awtoritajiet lokali u istituzzjonijiet internazzjonali dwar affarijiet ta' interess komuni.

Fuq livell lokali l‑Bank jaħdem mill‑qrib mal‑Ministeru għall‑Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta u l‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika, kif ukoll mas‑settur bankarju u finanzjarju Malti.

Fuq livell internazzjonali, barra li huwa membru tas‑SEBĊ u tal‑Eurosistema, il‑Bank għandu relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali li tagħhom Malta hija membru. Dawn l‑istituzzjonijiet jinkludu l‑Fond Monetarju Internazzjonali, il‑Bank Dinji, il‑Bank Ewropew għar‑Rikostruzzjoni u l‑Iżvilupp u l-Bank Asjatiku għall‑Investiment fl‑Infrastruttura.

Funzjonijiet

  1. Iż‑żamma tal‑istabbiltà tal‑prezzijiet
  2. L‑immaniġġjar tar‑riżervi
  3. Bankier tal‑banek u tas‑settur pubbliku
  4. Il‑ħarsien tal‑istabbiltà finanzjarja
  5. Formulazzjoni u implimentazzjoni ta' politika makroprudenzjali
  6. Il‑ħruġ ta' flus
  7. Relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet internazzjonali
  8. Analiżi ekonomika u riċerka
  9. Il‑ġbir, il‑kumpilazzjoni, it‑tqassim u l‑ippubblikar tal‑istatistika
  10. Il‑promozzjoni u l‑appoġġ tal‑iżvilupp tas‑swieq finanzjarji u tas‑sistemi ta' pagamenti u ta' ħlasijiet effiċjenti