Mistoqsijiet komuni
Nista' niġi l‑Bank biex inġedded id‑data ta' ċekk (maħruġ fuq il‑Bank Ċentrali ta' Malta) li skada?
Le, il‑persuna li ffirmat iċ‑ċekk biss tista' tagħmel tibdil bħal dan. Jekk iċ‑ċekk skadut inħareġ minn Dipartiment tal‑Gvern, il‑persuna li ċ‑ċekk inħareġ f'isimha għandha tikkuntattja lil dak id‑Dipartiment biex iġġedded id‑data tiegħu.
Nista' nsarraf ċekkijiet fil‑Bank Ċentrali ta' Malta?
Iċ‑ċekkijiet maħruġin fuq il‑Bank Ċentrali ta' Malta biss jistgħu jissarrfu f'dan il‑Bank.
Nista' nixtri/nbigħ munita barranija fil‑Bank Ċentrali ta' Malta?
Le; il‑pubbliku ġenerali għandu jagħmel transazzjonijiet ta' natura kummerċjali f'bank kummerċjali.
Nista' niftaħ kont mal‑Bank Ċentrali ta' Malta?
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta mhuwiex bank kummerċjali u ma joffrix servizzi bankarji kummerċjali għall‑pubbliku ġenerali, bħal pereżempju l‑ftuħ ta' kontijiet.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta joffri xi servizzi oħra lill‑pubbliku ġenerali?
Muniti maħruġa mill‑Bank għal għanijiet ta' numiżmatika jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre li jinsab fil‑bini ewlieni tal‑Bank jew direttament mill-e-shop tal-Malta Coin Centre. Il-pubbliku jista’ wkoll jikkuntattja lill-Malta Coin Centre hawn jew billi jċempel fuq (+356) 2550 6006/7.
X'għandi nagħmel jekk ikolli suspett li xi karta tal‑flus jew munita tkun falza?
Huwa reat kriminali li tgħaddi karta tal-flus jew munita li inti taħseb jew taf li hija falza. Jekk tingħata karta tal-flus jew munita li taħseb li hija falza, m’għandekx taċċettaha. Jekk taħseb li fil-pussess tiegħek għandek karta tal-flus jew munita falza, għandek tikkuntattja immedjatament lill-pulizija jew lill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Il‑Bank għandu d‑dritt li jimponi penali amministrattiva fuq kull persuna li tinstab tikser dan l‑obbligu legali.
X'għandi nagħmel jekk ikolli karta tal-flus tal-euro li tkun saritilha l-ħsara jew li tkun imqabra jew sfreġjata?
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jbiddel karti tal-flus tal-euro ġenwini li tkun saritilhom xi ħsara jew li jkunu mqabrin jew sfreġjati, jekk wieħed jippreżenta aktar minn nofs il-karta tal-flus jew jekk wieħed jista' jipprova li l-parti n-nieqsa tal‑karta tal-flus ġiet meqruda. Karti tal-flus li jkunu mqabrin jew sfreġjati jew li tkun saritilhom il-ħsara intenzjonalment ma jiġux mibdula.
Nista' nakkwista l-pubblikazzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta direttament mill‑Bank?
Il‑pubblikazzjonijiet ewlenin tal‑Bank huma r‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur, ir‑Rapport Annwali, ir-Research Bulletin u r‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja. Dawn jistgħu jitniżżlu mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Madankollu, huwa wkoll disponibbli ammont limitat ta’ kopji stampati tar-Rapport Annwali, tar-Research Bulletin u tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja li jistgħu jiġu akkwistati billi wieħed iżur il‑Bank personalment (soġġetti għad-disponibbiltà). Jekk tixtieq li tibda tirċievi notifikazzjoni bl-email fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tal-Bank, jekk jogħġbok abbona hawn.
Nista' nressaq ilment dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta?
Il-Bank Ċentrali ta' Malta hu impenjat li jiżgura li kull persuna tiġi ttrattata dejjem b'rispett u korteżija. Madankollu, jekk inti tinsab imħasseb/imħassba dwar is-servizz li rċevejt jew dwar il-mod kif il-Bank jew xi uffiċjal tal-Bank ittrattak/ittrattatek, inti tista' tressaq ilment lid-dipartiment relevanti billi tibgħat email hawn. Id-dettalji li ġejjin għandhom jiġu inklużi fl-ilment tiegħek:
- Ismek, l-indirizz u n-numru tat-telefown
- id-data meta seħħ l-inċident
- l-isem tad-dipartiment u/jew tal-uffiċjal li tixtieq tilmenta dwaru
- dettalji tal-ilment tiegħek.
Id-data personali kollha tiġi pproċessata skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.
Nista' nressaq ilment quddiem il‑Bank Ċentrali ta' Malta dwar banek kummerċjali jew fornituri oħra ta' servizzi finanzjarji?
Ilment jista' jiġi ppreżentat lill-Bank Ċentrali ta' Malta jekk utent ta' servizz ta' pagament jew parti interessata oħra ma tkunx sodisfatta bis-servizz finanzjarju pprovdut minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jopera f'Malta.
Mingħajr preġudizzju għal dan miktub hawn fuq, utent ta' servizzi ta' pagament jista' wkoll jippreżenta lment lill-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, stabbilit skont l-Att XVI tal-2016 tal-Liġijiet ta' Malta. L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji huwa korp awtonomu u indipendenti bis-setgħa li jaġixxi bħala medjatur, jinvestiga u jaġġudika l-ilmenti mressqa mill-klijenti kontra l-fornituri tas-servizzi finanzjarji.
Nista' nsarraf il-karti tal-flus tal-Lira Maltija f'euro?
Fl-1 ta' Jannar 2008, Malta adottat l-euro bħala l-munita nazzjonali. Skont Artikolu 62 (1) tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204), il-karti tal-flus tal-Lira Maltija ma baqgħux valuta legali wara l-31 ta' Jannar 2008. Madankollu, il-karti tal-flus tal-Lira Maltija baqgħu jistgħu jissarrfu għal perjodu ta' għaxar snin wara dik id-data. Dan il-perjodu ġie fi tmiemu fil-31 ta' Jannar 2018. B'hekk, mill-1 ta' Frar 2018, il-karti tal-flus tal-Lira Maltija ma baqgħux jissarrfu aktar fil-Bank Ċentrali ta' Malta.