Assi u kontropartijiet eliġibbli
Hija meħtieġa garanzija adegwata għal aċċess għall‑operazzjonijiet kollha ta' kreditu tal‑Eurosistema. Assi li jistgħu jintużaw bħala garanzija f'operazzjonijiet tal‑politika monetarja, u għall‑akkwist ta' kreditu limitat għal jum wieħed, għandhom jissodisfaw ċerti kriterji ta' eliġibbiltà.
L‑Eurosistema taċċetta firxa wiesgħa ta' assi li jistgħu jintużaw bħala garanzija. Dawk l‑assi biss li jinsabu fil‑lista waħdanija jistgħu jintużaw bħala garanzija f'operazzjonijiet tal‑politika monetarja jew biex jinkiseb kreditu limitat għal jum wieħed.
Dan il‑qafas waħdieni jinkludi żewġ kategoriji diversi ta' assi:
- assi negozjabbli, li jissodisfaw il‑kriterji u li huma magħrufa bħala "assi eliġibbli", huma elenkati fis-sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);
- assi mhux negozjabbli li jissodisfaw il‑kriterji tal‑eliġibbiltà iżda li mhumiex elenkati fis‑sit elettroniku tal‑BĊE.
Il‑BĊE jirriżerva d‑dritt li jeskludi assi mil‑lista waħdanija kif jidhirlu xieraq. Il‑BĊE jiżgura wkoll li l‑lista waħdanija tinżamm aġġornata, eżatta, u konsistenti.
L‑assi eliġibbli kollha huma wkoll soġġetti għal miżuri ta' kontroll kontra r‑riskji biex l‑Eurosistema titħares kontra r‑riskju ta' telf finanzjarju jekk dawn l‑assi jkollhom jissarrfu minħabba falliment tal‑kontroparti. Minbarra l‑ħarsien tal‑Eurosistema kontra riskji tal‑kreditu li jistgħu jinqalgħu, il‑kriterji tal‑eliġibbiltà tfasslu wkoll biex jiżguraw trattament ugwali għall‑banek kollha. Barra dan, kriterji ta' eliġibbiltà uniformi jippromwovu l‑effiċjenza operazzjonali.
Sabiex jiġi żgurat li l‑banek ikollhom aċċess sħiħ għal‑likwidità tal‑banek ċentrali, anke f'ċirkostanzi diffiċli, l‑Eurosistema għamlitha possibbli għall‑banek ċentrali nazzjonali sabiex temporanjament jaċċettaw talbiet ta' kreditu addizzjonali (ACCs) li ma jissodisfawx il‑kriterji ta' eliġibbiltà permanenti applikabbli fiż‑żona tal‑euro. Din l‑estensjoni temporanja tal‑oqfsa tal‑ACC tippermetti lill‑banek ċentrali nazzjonali li jinkludu self sostnut minn garanziji tas‑settur pubbliku relatati mal‑COVID‑19 mogħti lil kumpaniji, SMEs, ħaddiema self-employed u households. Ir‑regoli li jirregolaw l‑użu tal‑ACCs ivarjaw kemxejn bejn il‑pajjiżi. Kull bank ċentrali nazzjonali huwa liberu li jwaqqaf qafas tal‑ACC speċifiku għall‑pajjiż, madankollu għandu jiġi approvat mill‑Kunsill Governattiv abbażi ta' qafas komuni ta' kontroll minimu tar‑riskji.
Il‑Kunsill Governattiv approva qafas tal‑ACC propost mill‑Bank Ċentrali ta' Malta. Taħt dan il‑qafas, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jaċċetta klejms tal‑kreditu li jaqgħu taħt il‑COVID‑19 Guarantee Scheme (CGS) tal‑Malta Development Bank (MDB). Is‑CGS huwa parti minn Programm usa' tal‑COVID‑19 Response Support tal‑Gvern. Permezz ta' garanziji pprovduti mis‑CGS tal‑MDB, in‑negozji li qed jiffaċċjaw nuqqas ta' likwidità minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19, għandhom aċċess aħjar għall‑finanzjament tal‑banek. Il‑qafas tal‑ACC hu implimentat permezz tad‑Direttiva Nru 8 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta: Monetary Policy Instruments and Procedures fis‑seħħ fl‑1 ta' Jannar 2021.
Minbarra li huma soġġetti għal rekwiżiti ta' garanzija, l‑operazzjonijiet tal‑Eurosistema jsiru biss ma' kontropartijiet eliġibbli li jissodisfaw rekwiżiti komuni applikati fil‑livell taż‑żona tal‑euro, u huma soġġetti wkoll għal kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi oħra. Dawn il‑kontropartijiet jistgħu jużaw assi eliġibbli abbażi transkonfinali, jiġifieri jistgħu jiksbu fondi mill‑bank ċentrali nazzjonali tal‑Istat Membru fejn huma stabbiliti billi jużaw assi li jinsabu fi Stat Membru ieħor.