Payment Systems

Regolamenti

L-Att dwar ilBank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204) kien oriġinarjament ippubblikat permezz tal‑Att XXXI tal‑1967. Madankollu, minħabba żvilupp kontinwu fl-industrija tas-servizzi ta’ pagament, frott tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi li jippermettu l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ pagament mill-parteċipanti tas-suq, kien hemm numru ta’ emendi għall-Att li affettwaw lill-Bank, il-kompetenzi tiegħu, kif ukoll l-organizzazzjoni tiegħu.

Riċentement, l‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta ġie emendat biex jintroduċi terminoloġiji ġodda, bħal applikazzjonijiet għal pagamenti, skemi ta’ kards ta’ pagament u tranżazzjonijiet ta’ pagamenti, fl‑ambitu tal‑Att. Dan jiżgura li l-Bank għandu s-setgħat legali meħtieġa sabiex jirregola soluzzjonijiet ġodda ta’ pagament li jistgħu jiġu introdotti mill-parteċipanti tas-suq.

Fil-fatt, l-Att emendat jintroduċi mandat fuq istituzzjonijiet liċenzjati sabiex jinfurmaw lill-Bank qabel ma jingħata servizz ġdid. Għalhekk, il‑Bank għandu s‑setgħa li jirrevedi r‑regoli u l‑proċeduri ta’ kull servizz, f’kollaborazzjoni mal‑istituzzjoni, sabiex jiġi żgurat li l‑funzjonijiet delegati lill‑Bank bl‑Att jiġu sodisfatti b’mod adegwat.

Barra minn hekk, l‑Att emendat jippermetti lill‑Bank iżomm istituzzjoni liċenzjata milli tieħu azzjoni li tista’ xxekkel l‑istabbiltà tax‑xenarju tal‑pagamenti f’Malta, kif ukoll li jissospendi l-forniment ta’ kwalunkwe servizz li jaqa' taħt l-ambitu tal-Att li jista' jkun bi ksur ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti, kemm lokali jew Ewropea.

L-infrastruttura tal-pagamenti Maltin hija kkaratterizzata minn użu għoli ta’ strumenti bbażati fuq il-karta, bħal flus kontanti u ċekkijiet. Bidla mill-użu tal-flus kontanti u ċ-ċekkijiet għal modi ta’ pagamenti elettroniċi tista’ twassal għal effiċjenzi akbar fl-ekonomija Maltija, l-aktar minħabba titjib fl-operat tal-back-office tan-negozju, tnaqqis fl-ispejjeż tal-ipproċessar tat-trasferimenti u l-ġbir tal-benefiċċji tal-gvern, u titjib sinifikanti fl-effiċjenza ġenerali tal-ipproċessar tal-pagamenti. Filwaqt li bidliet bħal dawn fil-metodi ta’ pagament normalment jiġu xprunati minn inizjattivi tas-suq, xi drabi r-regolatur jeħtieġ li jieħu azzjoni aktar proattiva sabiex ikun hu li jippromwovi bidliet fuq livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Bank għandu d-dritt li joħroġ, jemenda jew jirrevoka direttivi sabiex jinċentiva l-adozzjoni ta’ modi aktar effiċjenti ta’ pagament filwaqt li fl-istess ħin ma jinċentivax l-użu ta’ mezzi tradizzjonali ta’ pagament.

Direttivi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta relatati ma’ Sistemi ta’ Pagament u ta’ Saldu ta’ Titoli

Il‑lista ta’ hawn taħt turi d‑Direttivi attwali maħruġa mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta fir‑rigward tas‑sistemi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli:

Directive No. 1: The Provision and Use of Payment Services

Din id-Direttiva tirrevoka d-Direttiva Nru 1 preċedenti li kienet imfassla fuq ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern, komunement imsejħa Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD1). 

Id-Direttiva l-ġdida tittrasponi t-Titli III u IV tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD2), li hi d-Direttiva tal-UE 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttiva 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u Regolament (UE) Nru 1093/2010, u tirrevoka Direttiva 2007/64/KE.

Din id-Direttiva tistabbilixxi provvedimenti maħsuba biex itejbu l-industrija tal-pagamenti, u jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur billi jipprovdu provvedimenti aktar stretti dwar awtentikazzjoni b’saħħitha tal-klijent u komunikazzjoni sigura.

Dokumentazzjoni:

Directive No. 2: Payment and Securities Settlement Systems

Din id-Direttiva tapplika għall-operazzjoni ta’, u għall-parteċipazzjoni f'sistemi domestiċi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli, kif ukoll għal kwalunkwe forma oħra ta’ tranżazzjonijiet bi flus jew titoli, kemm domestiċi kif ukoll transkonfinali, li jistgħu jkunu involuti fihom. Id-Direttiva hi maħsuba biex tnaqqas ir-riskji legali u sistemiċi relatati mal-parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli, u biex tnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni tas-sistema li tista’ tkun ikkawżata minn proċeduri ta’ insolvenza kontra parteċipant ta’ dik is-sistema.

Directive No. 6: New Generation Trans-European Automated Real-Time Gross Settlement Express Transfer System (TARGET) 

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-qafas legali għall-parteċipazzjoni fit-TARGET-Malta, li hija parti mis-sistema ħolistika tat-TARGET. TARGET tikkonsisti f’sistemi ta’ pagament f’euro li jsaldaw bi flus tal-bank ċentrali u jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar tal-likwidità ċentrali, ħlas gross f’ħin reali għall-pagamenti u servizzi għas-saldu tas-sistema anċillari. Il-qafas legali huwa maqsum fi tliet taqsimiet, jiġifieri (i) Harmonised Conditions for Participation in TARGET (Annex I), (ii) Target Governance Arrangements (Annex II), u (iii) Definitions (Annex III). Id-Direttiva tinkludi wkoll deskrizzjoni tal-karatteristiċi fakultattivi tal-immaniġġjar tal-likwidità li tiddeskrivi l-pagamenti fl-ambitu tas-sistema, u tistabbilixxi rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ kontinġenza.

Directive No. 13: Approval of Payment Systems

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-parametri kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-approvazzjoni ta’ sistemi ta’ pagament qabel il-bidu tal-operat.

Proċess ta’ Applikazzjoni

Il‑persuni kollha, kemm jekk kumpaniji kif ukoll jekk le, li qed joperaw bħalissa jew li għandhom l‑intenzjoni li joperaw sistema ta' pagament (kif definita fl‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta) f’Malta, għandu jkollhom l‑approvazzjoni u l‑awtorizzazzjoni mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta kif stabbilit taħt l‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Mistoqsijiet u applikazzjonijiet għal approvazzjoni u awtorizzazzjoni għandhom jiġu indirizzati hawn lill-Maniġer, Regulation and Oversight Office jew bil-posta.

Dokumentazzjoni:

Directive No. 19: The Use of Cheques and Bank Drafts

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli għall-użu sigur u effettiv ta’ ċekkijiet, fejn min iħallas, min jitħallas u l-istituzzjonijiet regolati li jagħtu servizz lill-istrumenti bbażati fuq il-karti kollha jinsabu f’Malta.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tal-partijiet involuti fl-ipproċessar ta’ strumenti bbażati fuq il-karti, filwaqt li tiżgura li jinżammu r-rekords xierqa tal-partijiet involuti u tal-azzjonijiet meħuda.

Directive No. 20: Cross-Border Payments

Din id-Direttiva tistipula li l-Bank Ċentrali ta’ Malta jibqa’ l-awtorità kompetenti għar-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-pagamenti transkonfinali fl-Unjoni. Ir-Regolament jikkodifika u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 924/2009, sabiex jiżgura li jinftiehem tajjeb wara d-diversi emendi.