Financial Crime Compliance
L-iżvilupp kontinwu f'theddid u riskji minn attività kriminali u terroristika kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali qed iwassal għat-twaqqif ta' diversi dispożizzjonijiet legali mmirati biex jipprevjenu u jikkumbattu l-ħasil tal-flus u l-Finanzjar ta' Terroriżmu.
L-Irwol tal-Bank Ċentrali ta' Malta
Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tassigura li l-Bank Ċentrali ta' Malta jifforma parti integrali mill-qafas tar-regolamenti kontra Money Laundering u Finanzjar ta' Terroriżmu u s-Sanzjonijiet.
Fir-Regolamenti kontra Money Laundering U Finanzjar ta' Terroriżmu, Kap. 373 tal-Liġijiet ta' Malta nsibu li:
- rappreżentant tal-Bank Ċentrali ta' Malta huwa parti mill-Kumitat ta' Koordinazzjoni Nazzjonali dwar il-glieda kontra Money Laundering u Finanzjar ta' Terroriżmu;
- rappreżentant tal‑Bank Ċentrali ta' Malta huwa membru tal‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑FIAU.
Fl-Att dwar Poteri li jsiru Regolamenti fl-Interess Nazzjonali (NIA), Kap. 365 tal-Liġijiet ta' Malta nsibu li:
- rappreżentant tal-Bank Ċentrali ta' Malta huwa membru tal-Bord ta' Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu rrappreżentat ukoll fil‑laqgħat bilaterali tal‑AML, ippresedut mill‑Ministru għall‑Finanzi, li jiddiskuti r‑Regolamenti u d‑Direttivi tal‑AML li jkunu qed jiġu emendati u/jew proposti mill‑Kummissjoni Ewropea. Ir-rispons u l-konsultazzjonijiet jingħataw ukoll wara t-trilogi tal-AML (il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni).
Dan barra diversi kumitati u bordijiet oħra fl-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew fejn il-Bank Ċentrali huwa rappreżentat ukoll.
Il-Liġijiet ta' Malta, id-Direttivi tal-UE u l-FATF
Il-Liġijiet ta' Malta jinkludu:
Il-Leġiżlazzjoni tal-UE tesiġi lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex jippreżentaw u jniedu miżuri sabiex jieħdu ħsieb u jieħdu azzjoni xierqa ħalli jevitaw xenarju fejn persuni legali jintużaw għall-iskopijiet ta' ħasil ta' flus jew finanzjar ta' terroriżmu.
F'Ġunju 2015 kien hemm il-pubblikazzjoni tar-Raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra Money Laundering u r-Reviżjoni tar-Regolament dwar it-Trasferimenti li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Ġunju 2017. F'Mejju 2018, ġiet ippubblikata l-Ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra Money Laundering li daħlet fis-seħħ fl-20 ta' Ġunju 2018. Fit-12 ta' Novembru 2018, ġiet ippubblikata s-Sitt Direttiva dwar il-ġlieda kontra Money Laundering li daħlet fis-seħħ fit-3 ta' Diċembru 2020 u li kellha tiġi implimentata mill-istati membri kollha sat-3 ta' Ġunju 2021. Dawn id-Direttivi jistgħu jiġu aċċessati bil-links li ġejjin:
Il-Kummissjoni tal-UE tipprovdi standards internazzjonali u globali dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE permezz tar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja (FATF).
Sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni globali tar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, l-FATF tistrieħ fuq network globali b'saħħtu ta' Korpi Reġjonali tal-FATF-Style (FSRBs), flimkien mad-39 membru tagħha stess. Id-disa' FSRBs għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF sa mis-sħubija tagħhom kif ukoll fl-għoti ta' għarfien espert u kontribut fit-tfassil tal-politika tal-FATF. Aktar minn 200 ġuriżdizzjoni madwar id-dinja impenjaw ruħhom għar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF permezz tan-network globali tal-FSRBs u l-membri tal-FATF.( FATF)
Il-ħasil tal-flus u l-finanzjar ta' terroriżmu huma theddida serja għall-ekonomija. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jaġixxi b'mod attiv sabiex jipprevjeni t‑trasferiment ta' fondi ta' oriġini illegali u biex jistabbilixxi salvagwardji suffiċjenti.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Financial Crime Compliance jispjega fil-qosor:
- in-natura tal-kriminalità finanzjarja,
- x'inhi l-Financial Crime Compliance u
- għaliex hija daqshekk importanti.
X'inhi l-Kriminalità Finanzjarja?
L-Interpol tagħti din id-definizzjoni tal-kriminalità finanzjarja:
Serq, frodi, qerq, estorsjoni, korruzzjoni, ħasil ta' flus... Il-possibbiltajiet biex il-flus isiru b'mod illeċitu huma apparantament bla limitu. Għal dan il-kriminal, ir-riskji jidhru baxxi u l-qligħ ikun għoli.
Il-kriminalità finanzjarja tvarja minn serq bażiku, frodi mwettqa minn individwi b'intenzjonijiet ħżiena sa operazzjonijiet fuq skala kbira mmexxija minn kriminali organizzati f'kull kontinent. Dawn huma attivitajiet kriminali serji u ta' importanza tassew kbira. Minbarra l-impatt soċjali u ekonomiku tagħhom, ħafna drabi dawn huma marbuta mill-qrib mal-kriminalità vjolenti u saħansitra mat-terroriżmu.
Ilkoll kemm aħna qed niġu affettwati mill-kriminalità finanzjarja li ħadet dimensjoni totalment ġdida bl-avvanzi ġejjin mit-teknoloġija diġitali.
Il-gruppi kriminali joperaw b'mod tranżnazzjonali biex jevitaw li jinqabdu, u l-fondi misruqa jaqsmu ħafna fruntieri fiżiċi u virtwali qabel ma jaslu fid-destinazzjoni aħħarija tagħhom.
X'inhi Financial Crime Compliance?
Financial Crime Compliance tħares lejn it-tliet aspetti tal-kriminalità finanzjarja, kif ġej:
- AML/CFT
- Sanzjonijiet
- ABC (Ġlieda kontra t-Tixħim u l-Korruzzjoni)
|
 |
Il-proċess li jiżgura li "persuna suġġetta" tkun konformi mal-leġiżlazzjonijiet u r-regolamenti lokali u tal-UE.
"Persuna suġġetta" skont ir-Regolament kontra Money Laundering u Finanzjar ta' Terroriżmu (L.S. 373.01) tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li qiegħda twettaq kummerċ finanzjarju rilevanti jew attività rilevanti.
Id-Dipartiment tal-Financial Crime Compliance hu responsabbli għall-identifikazzjoni, l-evalwar, l-għoti ta' pariri, il-monitoraġġ, u r-rappurtar tar-riskju ta' kriminalità finanzjarja li kumpanija tonqos milli timxi miegħu. L-għan ewlieni ta' din il-funzjoni huwa li jiġi żgurat li organizzazzjoni jkollha l-verifiki u kontrolli interni neċessarji li jkejlu u jimmaniġġjaw b'mod suffiċjenti dawn it-tipi ta' riskji, fl-istess waqt li organizzazzjoni tista' tiltaqa' magħhom.
X'inhu l-Ħasil tal-Flus?
L-Att kontra Money Laundering (Kap. 373 tal-Liġijiet ta' Malta) 2.(1) jiddefinixxi l-ħasil tal-flus bħala:
"Il-konverżjoni jew trasferiment ta' proprjetà meta wieħed ikun jaf, jew jissuspetta, li dik il-proprjetà tkun direttament jew indirettament inkisbet minn, jew mir-rikavat ta', attività kriminali jew minn att jew atti ta' parteċipazzjoni f'attività kriminali, għall-iskop ta' jew skopijiet ta' ħabi jew wiri ta' ħaġa b'oħra tal-oriġini tal-proprjetà jew ta' għoti ta' għajnuna lil xi persuna jew persuni involuti jew konċernati f'attività kriminali."
(F'ta' fuq, it-terminu 'proprjetà jfisser "proprjetà u attiv ta' kull xorta, natura u deskrizzjoni, sew mobbli sew immobbli, sew korporali sew inkorporali, sew tanġibbli sew mhux tanġibbli, dokumenti legali jew strumenti legali li jkunu prova ta' titolu, jew interess f'dik il-proprjetà jew dak l-attiv u, bla ħsara għall-ġeneralità ta' dak li ntqal qabel, tinkludi:
(a) kull flus, kemm jekk l-istess flus ikunu jew ma jkunux valuta legali f'Malta, bills, titoli, bonds, dokumenti negozjabbli jew kull dokument li jista' jkun negozjabbli inkluż dokument li jitħallas lill-portatur jew imdawwar biex jitħallas lill-portatur kemm jekk espressi f'euro jew f'xi flus oħra barranin;
(b) flus kontanti jew depożiti jew kontijiet ta' flus ma' xi bank, istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra kif jista' jiġi preskritt li jmexxu jew ikunu mexxew il-kummerċ tagħhom f'Malta;
(ċ) flus kontanti jew oġġetti ta' valur li jinkludu iżda mhux limitati għal xogħlijiet tal-arti jew ġojjellerija jew metalli prezzjużi; u
(d) art jew kull interess fiha.")

Għaldaqstant il-ħasil tal-flus huwa l-proċess li permezz tiegħu persuna li tikser il-liġi jew tagħmel atti kriminali tipprova taħbi l-oriġini vera u l-qligħ u biex iżżomm dan it-tali qligħ tipprovdi kopertura leġittima u legali għalih.
X'inhu l-Finanzjar ta' Terroriżmu?
Il-finanzjar ta' terroriżmu jinvolvi s-solleċitazzjoni, il-ġbir, jew l-għoti ta' flus bl-intenzjoni li dawn jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw atti jew organizzazzjonijiet terroristiċi. Dawn jistgħu joriġinaw kemm minn sorsi legali kif ukoll illegali.
Skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, persuna tikkommetti r-reat ta' finanzjar ta' terroriżmu "jekk dik il-persuna bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, illegalment u volontarjament, tipprovdi jew tiġbor fondi bl-intenzjoni li dawn għandhom jintużaw jew bl-għarfien li huma għandhom jintużaw, b'mod sħiħ jew parzjali, sabiex iwettqu" reat fl-ambitu tal-Konvenzjoni.
X'inhuma s-Sanzjonijiet?
Is-sanzjonijiet internazzjonali huma deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi li huma parti mill-isforzi diplomatiċi minn pajjiżi kontra stati jew organizzazzjonijiet sabiex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, jew biex jipproteġu l-liġi internazzjonali, u jiddefendu kontra t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
Hemm diversi tipi ta' sanzjonijiet u jinkludu sanzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, sanzjonijiet diplomatiċi, sanzjonijiet militari, sanzjonijiet sportivi, u sanzjonijiet fuq l-ambjent.
Is-sanzjonijiet f'Malta huma rregolati mill-Att dwar Poteri li jsiru Regolamenti fl-Interess Nazzjonali (NIA), Kap. 365 tal-Liġijiet ta' Malta u l-applikar tagħhom hu sorveljat mill-Bord ta' Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet.
Is-sanzjonijiet kollha maħruġa mill-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bord ta' Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet huma direttament applikabbli taħt l-NIA. Kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li twettaq attività rilevanti jew negozju finanzjarju rilevanti kif definit fir-Regolamenti dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjar ta' Terroriżmu hija obbligata li taderixxi mas-sanzjonijiet applikabbli u twettaq il-kontroll meħtieġ biex tiżgura li s-sanzjonijiet jiġu dejjem imħarsa.
X'inhuma t-Tixħim u l-Korruzzjoni?
It-tixħim jirreferi għall-offerta, il-wegħda, l-għoti, l-aċċettazzjoni jew is-soliċitar ta' vantaġġ bħala inċentiv jew ippremjar għal azzjoni illegali jew mhux etika, jew ksur tal-fiduċja.
Il-korruzzjoni hija definita bħala mġiba diżonesta jew frodulenti minn dawk f'pożizzjonijiet ta' poter, li tipikament jinvolvu t-tixħim. Il-korruzzjoni tista' tieħu ħafna forom, iżda kollha jinvolvu l-abbuż ta' uffiċċju pubbliku jew privat għal gwadann personali.
Tipi differenti ta' tixħim u korruzzjoni jistgħu jinkludu: kickbacks, kummissjonijiet sigrieti, pagamenti ta' faċilitazzjoni, eżerċitar ta' influwenza, tixħim elettorali, serq, u estorsjoni.