Financial Stability

Maniġġ tal-Kriżijiet

Kriżi tista' tfixkel il‑funzjoni ta' intermedjazzjoni tas‑sistema finanzjarja u tfixkel lill‑banek fil‑maniġġ effiċjenti tar‑riskji tagħhom. Il‑monitoraġġ u l‑evalwazzjoni tar‑riskji jippermettu lill‑awtoritajiet jieħdu miżuri f'waqthom biex jiġi evitat jew jitnaqqas l‑impatt li jista' jwassal għal vulnerabbiltajiet fis‑sistema finanzjarja. Strateġiji ċari ta' komunikazzjoni u allokazzjoni ta' responsabbiltajiet bejn l‑awtoritajiet ikkonċernati jsiru essenzjali.

Il‑prevenzjoni u r‑riżoluzzjoni ta' kriżijiet

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għandu rwol ewlieni fil‑maniġġ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja potenzjali; għalhekk, kontinwament jiżviluppa l‑kapaċitajiet tiegħu operazzjonali għall‑maniġġ u r‑riżoluzzjoni tagħhom f'waqthom.

Żvilupp tal‑qafas għall‑maniġġ ta' kriżijiet domestiċi

Kriżijiet finanzjarji jirrikjedu reazzjonijiet immedjati sabiex titnaqqas is‑severità ta' kriżijiet bħal dawn u l‑effettti li potenzjalment jistgħu jinfirxu. Sabiex jiġi żgurat l‑aqwa riżultat, ġie mfassal Domestic Crisis Management Framework mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), fil‑kapaċità tagħha bħala l‑Awtorità Kompetenti Nazzjonali u l‑Awtorità ta' Riżoluzzjoni Nazzjonali, u l‑Ministeru għall‑Finanzi u x-Xogħol (MFE), taħt il‑patroċinju tal‑Kumitat Permanenti Domestiku (DSC), sabiex jiġu stabbiliti b'mod ċar il‑prinċipji bażiċi u l‑proċeduri ta' networking għall‑maniġġ ta' kriżijiet finanzjarji, inklużi l‑linji gwida u l‑istrutturi operazzjonali għall‑kooperazzjoni lokali u transfruntiera. Id‑DSC, iffurmat minn rappreżentanti mill‑Bank, l‑MFSA u l‑MFE, jiltaqa' regolarment sabiex jiddiskuti u jinqasmu fehmiet dwar is‑solidità finanzjarja u jekk ikun meħtieġ, jimmaniġġja problemi sistemiċi potenzjali. L‑għanijiet tad‑DSC ġew stabbiliti f'Memorandum ta' Ftehim (MoU), li kien approvat mit‑tliet awtoritajiet, fuq il‑kooperazzjoni għall‑prevenzjoni u l‑maniġġ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja.

Provvediment ta' likwidità lill‑istituzzjonijiet ta' kreditu

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, fl‑irwol tiegħu bħala Lender of Last Resort, hu responsabbli, f'termini tal‑Artiklu 17 tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta, għall‑għoti ta' appoġġ finanzjarju permezz tal‑provvediment ta' għajnuna għal‑likwidità f'emerġenza biex iħares l‑istabbiltà tas‑settur bankarju. Dan jintuża biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, u bħala l‑aħħar soluzzjoni meta istituzzjonijiet ta' kreditu solventi jgħaddu minn tensjoni fil‑likwidità li tkun meqjusa li tista' toħloq theddida lill‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja.

Valutazzjoni tal‑Impatt Sistemiku

Artiklu 3(1) tad‑Direttiva tar‑Rekwiżiti Kapitali (CRD) jiddefenixxi r‑riskju sistemiku bħala "riskju ta' tfixkil fis‑sistema finanzjarja bil‑potenzjal li jkollu konsegwenzi negattivi serji għas‑sistema finanzjarja u l‑ekonomija reali." L‑implikazzjonijiet sistemiċi ta' kriżi finanzjarja jridu jiġu evalwati b'attenzjoni. Fid‑dawl tal‑irwol tiegħu bħala s‑superviżur makroprudenzjali nazzjonali, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jidentifika dawk l‑istituzzjonijiet li l‑falliment tagħhom ikollu riperkussjonijiet serji fuq l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja, u għandu qafas li jivvaluta t‑tfixkil potenzjali għall‑partijiet kollha tas‑sistema finanzjarja u tal‑ekonomija reali li jirriżulta minn falliment ta' bank. Qafas bħal dan jgħin fit‑teħid ta' deċiżjonijiet meta jiġu implimentati miżuri disponibbli biex jittaffew l‑impatti potenzjali ta' istituzzjoni ta' kreditu f'diffikultà. 

Ftehimiet ta' Kooperazzjoni

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu firmatarju tal‑MoU tal‑2008 dwar il‑kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji finanzjarji, banek ċentrali u ministeri tal‑finanzi tal‑Unjoni Ewropea dwar l‑istabbiltà finanzjarja transfruntiera. Il‑Bank u l‑MFSA huma wkoll firmatarji tal‑MoU tal‑2003, li jistabbilixxi prinċipji ta' gwida għall‑kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, bejn il‑Bank Ċentrali Ewropew, il‑banek ċentrali nazzjonali u awtoritajiet superviżorji fi ħdan is‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ).