Strumenti tal-politika monetarja
L-Eurosistema tagħmel użu minn għadd ta' strumenti tal-politika monetarja approvati mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex tilħaq l-għanijiet tal-politika monetarja tagħha. Dawn l-istrumenti jirregolaw ir-rati tal-imgħax fuq terminu qasir, jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni tal-likwidità fis-sistema bankarja, u jindikaw ukoll l-orjentament ġenerali tal-politika monetarja.
Il-qafas operattiv tal-Eurosistema jikkonsisti fis-sett ta' strumenti li ġejjin:
- Operazzjonijiet tas-suq miftuħ
L-operazzjonijiet tas-suq miftuħ għandhom rwol importanti għad-direzzjoni li jagħtu lir-rati tal-imgħax; filwaqt li jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni tal-likwidità fis-suq, u jindikaw l-orjentament tal-politika monetarja. Dawn jinbdew mill-BĊE u jitwettqu kontra l-provvediment ta' garanzija. Hemm erba' tipi ta' operazzjonijiet tas-suq miftuħ, li huma differenti f'termini ta' għan, regolarità u proċedura.
Operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MROs) huma tranżazzjonijiet regolari rriversjati li jipprovdu likwidità kull ġimgħa u b'maturità ta' ġimgħa. Normalment, dawn jiġu esegwiti b'mod deċentralizzat mill-banek ċentrali nazzjonali skont kalendarju speċifikat minn qabel. Fi żminijiet normali, dawn l-operazzjonijiet jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-likwidità għas-settur finanzjarju u għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-operazzjonijiet tas-suq miftuħ tal-Eurosistema. F'Ottubru 2008, il-BĊE introduċa sistema ta' allokament sħiħ li permezz tagħha l-offerti kollha mressqa taħt din il-faċilità jintlaqgħu b'rata fissa mħabbra minnu.
L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (LTROs) huma tranżazzjonijiet irriversjati li jipprovdu likwidità għal żmien itwal. Dawn jitwettqu bi frekwenza ta' kull xahar fuq il-bażi ta' sejħiet għal offerti standard skont kalendarju speċifikat minn qabel u b'maturità ta' tliet xhur. L-Eurosistema tista' twettaq ukoll operazzjonijiet oħra fuq perjodu ta' żmien itwal, b'maturità ta' aktar minn tliet xhur. F'dawn l-aħħar snin, dawn l-operazzjonijiet kellhom maturitajiet sa 48 xahar (l-aktar dawk l-operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq żmien itwal, jew TLTROs). Operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal huma mmirati biex jipprovdu lill-kontropartijiet b'rifinanzjament addizzjonali fuq żmien itwal u jistgħu jservu wkoll għanijiet oħra ta' politika monetarja.
L-operazzjonijiet ta' rfinar isiru abbażi ad hoc, biex iwittu l-effetti fuq ir-rati tal-imgħax ikkawżati minn ċaqliq mhux mistenni fil-likwidità. Operazzjonijiet ta' rfinar huma esegwiti l-aktar bħala tranżazzjonijiet irriversjati iżda jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta' swaps tal-kambju barrani jew il-ġbir ta' depożiti b'terminu fiss. Operazzjonijiet ta' rfinar huma normalment esegwiti mill-Eurosistema permezz ta' sejħiet għal offerti ta' żmien qasir. L-Eurosistema tista' tagħżel numru limitat ta' kontropartijiet biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet ta' rfinar.
L-operazzjonijiet strutturali jsiru kull meta l-BĊE jixtieq jagħmel aġġustament fil-pożizzjoni tal-likwidità tal-Eurosistema vis-à-vis is-settur finanzjarju. Operazzjonijiet strutturali jistgħu jitwettqu mill-Eurosistema permezz ta' tranżazzjonijiet irriversjati, tranżazzjonijiet definittivi u l-ħruġ ta' ċertifikati tad-dejn. L-Eurosistema wettqet xiri ta' assi biex tindirizza r-riskji ta' perjodu twil iżżejjed ta' inflazzjoni baxxa u biex tgħin biex jingħelbu l-limitazzjonijiet ikkawżati mil-limitu aktar baxx tar-rati tal-imgħax, u b'hekk tagħti spinta oħra lis-self, l-infiq u l-investiment fl-ekonomija.
Il-faċilitajiet permanenti jipprovdu u jassorbu l-likwidità minn jum għall-ieħor, jindikaw l-orjentament ġenerali tal-politika monetarja, u jiffissaw ir-rati tal-imgħax tas-suq minn jum għall-ieħor. Hemm żewġ faċilitajiet permanenti li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu jużaw fuq inizjattiva tagħhom stess.
Il-faċilità tas-self marġinali hi disponibbli għal istituzzjonijiet ta' kreditu biex jakkwistaw likwidità minn jum għall-ieħor bill jipprovdu garanzija eliġibbli. Ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali normalment tipprovdi limitu massimu għar-rata tal-imgħax tas-suq minn jum għall-ieħor.
Il-faċilità tad-depożitu hi disponibbli għal istituzzjonijiet ta' kreditu biex jagħmlu depożiti overnight. Ir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali normalment tipprovdi limitu massimu għar-rata tal-imgħax tas-suq minn jum għall-ieħor.
- Rekwiżiti ta’ riżervi minimi
L-istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro huma obbligati jżommu ammont minimu ta' depożiti, imsejħa riżervi minimi jew meħtieġa, f'kontijiet mal-banek ċentrali nazzjonali rispettivi tagħhom. Is-sistema ta' riżervi minimi hija maħsuba biex tistabbilizza r-rati tal-imgħax tas-suq monetarju u potenzjalment toħloq (jew tkabbar) nuqqas strutturali ta' likwidità. L-ammont li l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom iżommu huwa ddeterminat minn ċerti elementi tal-balance sheet tagħhom, b'mod partikolari d-depożiti tal-klijenti b'maturità ta' mhux aktar minn sentejn.
Il-BĊE ma jeħtieġx li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jżommu l-ammont totali tar-riżervi meħtieġa fil-kont tagħhom fil-bank ċentrali ta' kuljum. Minflok, għandhom iżommu dawn ir-riżervi meħtieġa bħala medja, fuq il-bażi tal-investimenti tagħhom ta' kuljum, fuq perjodu ta' manutenzjoni ta' madwar sitt ġimgħat. Il-perjodi ta' manutenzjoni tar-riżervi rispettivi jibdew fil-jum tas-saldu tal-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament, li ssir wara kull laqgħa tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja.
Sal-perjodu ta' manutenzjoni li jintemm fil-20 ta' Diċembru 2022, ir-riżervi meħtieġa kienu remunerati skont ir-rata medja tal-imgħax tal-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament matul il-perjodu ta' manutenzjoni. Sa mill-bidu tal-perjodu ta' manutenzjoni fil-21 ta' Diċembru 2022, ir-riżervi meħtieġa kienu remunerati bir-rata fuq il-faċilità tad-depożitu. Mill-perjodu ta' manutenzjoni li beda fl-20 ta' Settembru 2023, ir-riżervi meħtieġa qed jitħallsu bir-rata ta' 0%.
Għodod oħra tal-politika monetarja
Qabel il-kriżi finanzjarja globali, il-BĊE mexxa l-aktar il-politika monetarja billi stabbilixxa rati ewlenin tal-imgħax. Madankollu, mill-kriżi finanzjarja, is-sett ta' strumenti ta' politika ġie estiż. Dan ippermetta lill-Eurosistema biex tinfluwenza l-kundizzjonijiet għall-finanzjament li jiffaċċjaw in-nies u l-kumpaniji fi żminijiet diffiċli, jiġifieri meta l-funzjonament ħażin tas-sistema finanzjarja għamel ħsara lill-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tal-politika monetarja. Matul dawn il-perjodi, ir-rati tal-imgħax fuq żmien qasir avviċinaw "l-iżjed limitu baxx effettiv" tagħhom, jiġifieri, il-livell li jekk jitbaxxa iktar, ma jibqax iżid il-livell tal-attività ekonomika. Għaldaqstant, is-sett ta' għodod ġie adottat biex jinkorpora għodod ġodda bħall-allokazzjoni totali b'rata fissa ta' likwidità lill-banek, rati negattivi tal-imgħax, l-għoti ta' self fit-tul lill-banek, xiri ta' assi finanzjarji privati u pubbliċi u indikazzjonijiet għall-ġejjieni.
Niċċaraw bis-Suġġett (BĊE)