Monetary Policy

Programm ta’ xiri ta' assi (APP)

Fl-aħħar snin, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew adotta firxa ta' miżuri straordinarji tal-politika monetarja tiegħu, inkluż ix-xiri ta' assi, bil-għan li jindirizza r-riskji ta' deflazzjoni u jġib l-inflazzjoni lura fil-livell immirat tagħha. 

Il-programm estiż ta' xiri ta' assi  jikkonsisti f f'xiri mingħand is-settur pubbliku (PSPP), ix-xiri ta' bonds garantiti (CBPP3), ix-xiri ta' titoli koperti b'assi (ABSPP) kif ukoll ix-xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Permezz ta' xiri ta' dawn l-assi, l-Eurosistema tinfluwenza l-kundizzjonijiet finanzjarji fl-ekonomija kollha kemm hi, tnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament għal kumpaniji u individwi u tistimola l-konsum u l-investiment. Min-naħa l-oħra, domanda aggregata aktar dinamika għandha tgħin sabiex jogħla l-livell tal-inflazzjoni. Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi dwar il-parametri tal-APP, inklużi l-volumi ta' xiri ta' kull xahar.

Fid-9 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwaqqaf ix-xiri nett tal-assi taħt l-APP mill-1 ta' Lulju 2022. Barra minn hekk, fit-2 ta' Frar 2023, il-Kunsill Governattiv ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu ta' Diċembru 2022, li mill-bidu ta' Marzu 2023, il-portafoll tal-APP ser ikun qed jonqos b'ritmu stabbilit u prevedibbli. Dan minħabba li l-Eurosistema mhux ser terġa' tinvesti l-pagamenti prinċipali kollha minn titoli li jkunu qed jimmaturaw. It-tnaqqis kien jammonta għal medja ta' €15.0 biljun fix-xahar sal-aħħar ta' Ġunju 2023. Fil-15 ta' Ġunju 2023, il-Kunsill Governattiv ħabbar li ser iwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt l-APP minn Lulju 2023.

Il-Bank Ċentrali ta' Malta kien jipparteċipa fl-APP permezz tal-PSPP, bix-xiri ta' Titoli tal-Gvern ta' Malta (MGS) minn kontropartijiet eliġibbli. 

Irkantijiet inversi taħt il-Programm ta' Xiri mingħand is-Settur Pubbliku

Il-Bank Ċentrali ta' Malta kellu l-għażla li juża rkantijiet inversi flimkien ma' xiri bilaterali sabiex jixtri titoli speċifiċi ta' dejn tal-Gvern ta' Malta eliġibbli għall-PSPP waqt il-perjodu meta l-programm kien attiv.

L-irkantijiet mill-Bank tmexxew skont kif imħabbar fis-sit elettroniku tal-Bank, bil-lista ta' bonds speċifiċi titħabbar fuq din il-paġna jumejn qabel l-irkant. Il-kontropartijiet eliġibbli setgħu jipparteċipaw f'dawn l-irkantijiet inversi tal-PSPP.

Informazzjoni ppubblikata fuq din il‑paġna tinkludi wkoll  it-termini u l‑kundizzjonijiet  it-timeline , u  l‑mistoqsijiet komuni .

It‑tħabbira ta' Rkantijiet Inversi mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, inkluża l‑lista ta' titoli relevanti, tinsab  hawn.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika  r‑riżultati wara kull irkant.

Self ta' titoli

Fit‑2 ta' April 2015, il‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE ddeċieda li l‑bonds akkwistati minn membri tal‑Eurosistema fi ħdan il‑PSPP għandhom ikunu disponibbli għas‑self b'mod deċentralizzat, sakemm il‑kundizzjonijiet speċifiċi għall‑ġuriżdizzjoni ma jiġġustifikawx mod ieħor. L‑iskop tas‑self ta' titoli hu li jingħata appoġġ għal‑likwidità tas‑suq fil‑qasam tal‑bonds u r‑repos mingħajr tfixkil fl‑attività normali tas‑suq tar‑repos. Fit-8 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li l-banek ċentrali tal-Eurosistema ser ikollhom il-possibbiltà li jaċċettaw flus kontanti bħala garanzija fil-faċilitajiet tagħhom ta' self ta' titoli PSPP. 

Fil‑kuntest tal-programm ta' self ta' titoli, l‑ISINs ta' dawn il‑bonds huma ppubblikati kull ġimgħa fuq is‑siti elettroniċi tal‑banek ċentrali nazzjonali rispettivi. Barra minn hekk, dawk il‑membri tal‑Eurosistema li lesti jsellfu l‑bonds tagħhom li huma eliġibbli skont il‑PSPP fil‑programm tas‑swieq tat‑Titoli (SMP) jippubblikaw il‑lista tal‑ISINs tat‑titoli kkonċernati tal‑SMP fuq is‑siti elettroniċi rispettivi tagħhom.

Billi fis‑suq m'hemmx domanda għal self tal-MGS, l‑MGS li għandu l‑Bank Ċentrali ta' Malta mhumiex disponibbli għas‑self.