Sistemi ta’ Pagament
Sistema ta' pagament u ta' saldu strutturata sew tippromwovi l-użu effiċjenti tar-riżorsi u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji. Il-Bank Ċentrali ta' Malta jħaddem sistema ta' pagament imsejħa TARGET2-Malta, li tifforma parti mit-TARGET2.
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jissorvelja kif ukoll jirregola t-tħaddim ta', u l-parteċipazzjoni f'sistemi domestiċi u transkonfinali ta' pagament u ta' saldu ta' titoli. Tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-Bank qabel ma jkunu jistgħu jitħaddmu sistemi ġodda ta' pagament u ta' saldu ta' titoli. Barra dan, il-Bank jista' wkoll joħroġ direttivi relatati ma' sistemi ta' pagament u ta' saldu ta' titoli, servizzi ta' trasferiment transkonfinali ta' krediti u servizzi ta' pagamenti elettroniċi.
Sistemi interbankarji ta' pagament
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jħaddem it-TARGET2-Malta, li tifforma parti mit-TARGET2, is-sistema ta' Ħlas Gross f'Ħin Reali (RTGS) għall-euro tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). Qabel it‑TARGET2‑Malta, il‑Bank Ċentrali ta' Malta opera l‑MaRIS, l‑ewwel sistema RTGS f'Malta.
Sistemi u servizzi ta' pagament bl-imnut
Il-pagamenti bl-imnut, inklużi l-pagamenti tal-konsumaturi u tal-kumpaniji, jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-pagamenti fl-ekonomija. F'dan ix-xenarju, il-Bank kien responsabbli għall-koordinament tal-proġett taż-Żona Unika ta' Pagamenti f'Euro (SEPA), inizjattiva awtoregolatorja mmexxija mill-banek kummerċjali Ewropej. Il-Bank kien ukoll involut fl-introduzzjoni domestika tan-Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju (IBAN), standard stabbilit għan-numri tal-kontijiet bankarji li jidentifikaw, b'mod uniku, kont bankarju ta' klijent, ikun fejn ikun fid-dinja kollha.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu l‑operatur tal-MTEUROPAY, is‑sistema ta' pagamenti bl-imnut f'euro għal istituzzjonijiet ta' kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji, istituzzjonijiet tal-ipproċessar tal‑pagamenti u depożitarji ċentrali tat‑titoli liċenzjati f'Malta mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA).
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jista' wkoll jawtorizza t-twaqqif ta' sistema bankarja ta' kklirjar u jipprovdi faċilitajiet għaliha. Il-Bank hu membru tal-Malta Clearing House, magħmula wkoll minn disa' istituzzjonijiet ta' kreditu oħra u minn żewġ istituzzjonijiet finanzjarji.
Sistemi ta' Saldu ta' Titoli
Bħala parti mill-Eurosistema, il-Bank Ċentrali ta' Malta hu involut fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġett TARGET2-Securities (T2S).
Glossarju ta' termini relatati ma' sistemi ta' pagament, ikklirjar u ta' saldu
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika glossarju ta' termini relatati mal-aspetti tekniċi tas-sistemi ta' pagament, ikklirjar u ta' saldu fl-Unjoni Ewropea. Il-glossarju jiżgura l-konsistenza tat-termini użati f'pubblikazzjonijiet maħruġa fi ħdan is-SEBĊ. Il-glossarju jinsab hawn.
Central Bank of Malta Directive No. 2: Payment and Securities Settlement Systems