About Us

Is-Sur Alexander Demarco

Is-Sur Alexander Demarco beda jokkupa r-rwol ta' Gvernatur mill-1 ta' Jannar 2026. Hu membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, Gvernatur għal Malta fil-Fond Monetarju Internazzjonali u Gvernatur Alternattiv għal Malta fil-Bank Dinji.

Qabel din il-kariga, serva bħala Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta mill-1 ta' Jannar 2014, inizjalment responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja. Bejn Awwissu tal-2017 u Diċembru tal-2025 kien responsabbli għall-Politika Monetarja fejn serva bħala sostitut għall-Gvernatur fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-Politika Monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Bħala Deputat Gvernatur responsabbli għall-Politika Monetarja, kien membru tat-Task Forces ta' Livell Għoli tal-BĊE dwar l-Euro Diġitali u dik dwar Investimenti Sostenibbli u Responsabbli relatati mat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll membru tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea. Inħatar Aġent Gvernatur bejn l-1 ta' Awwissu 2024 u l-31 ta' Lulju 2025, fejn kien ukoll President tal-Bord Konġunt għall-Istabbiltà Finanzjarja, li qed jokkupa issa fil-kariga ta' Gvernatur. Is‑Sur Demarco kien membru tal‑Bord tas‑Superviżuri tal‑Awtorità Bankarja Ewropea u tal‑Bord Superviżorju tal‑Bank Ċentrali Ewropew sa Lulju 2017.

Qabel ma nħatar Deputat Gvernatur, is-Sur Demarco kien Kap tad-Dipartiment għall-Istabbiltà Finanzjarja tal-Bank u qabel kien ukoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Unjoni Ewropea u r-Relazzjonijiet Internazzjonali. Is-Sur Demarco ngħaqad mal‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑1984 u qatta' ħafna mill‑karriera tiegħu fid‑Dipartiment għar‑Riċerka Ekonomika, fejn ħadem bħala ekonomista ewlieni. Tul il‑karriera tiegħu fil-Bank, kellu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal‑ewwel mudell ekonometriku tal‑Bank u kien responsabbli għat‑tbassir makroekonomiku tal‑Bank. Kien involut b'mod attiv fit-tħejjijiet u n-negozjati ta' Malta għas-sħubija fl-UE, kif ukoll fl-aspetti tal-politika tar-rata tal-kambju relatati mal-parteċipazzjoni ta' Malta fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II) qabel ma Malta ssieħbet fl-Eurosistema. Is-Sur Demarco ppubblika wkoll diversi artikli fil-pubblikazzjonijiet tal-Bank.

Huwa ggradwa B.A. (Hons) fl‑Ekonomija mill‑Università ta' Malta, u ggradwa b'grad ta' distinzjoni mill‑Università ta' Warwick, fir‑Renju Unit, b'Masters fi Xjenza fl-Ekonomija, fejn speċjalizza fil‑qasam tal‑Ekonomija Monetarja Internazzjonali u l‑Kummerċ Internazzjonali.

Is-Sur Alexander Demarco
Fotografu: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta