Operat tas-Suq
Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1968, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ffunzjona bħala market maker għat‑titoli tal‑Gvern ta' Malta. S'issa, minħabba d‑daqs żgħir tas‑suq, ma kien hemm ebda market makers privati oħra jew aġenti primarji f'Malta li kienu lesti li jidħlu għal dan l‑irwol. B'hekk, il‑Bank jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall‑iżvilupp tas‑suq monetarju domestiku u tas‑swieq domestiċi tal‑kapital, u jtejjeb il‑likwidità tat‑titoli tal‑Gvern ta' Malta.
L‑irwol tal‑Bank bħala market maker hu limitat esklussivament għal tranżazzjonijiet fis‑suq sekondarju, mingħajr ebda parteċipazzjoni fis‑suq primarju. Dan għaliex il‑Bank hu statutorjament miżmum milli jipparteċipa fis‑suq primarju fir‑rigward ta' kull xorta ta' strument tad‑dejn finanzjaru tas‑settur pubbliku. Il‑funzjoni tal‑Bank bħala market maker titwettaq permezz tal‑Uffiċċju tiegħu għall-Operazzjonijiet tas-Suq u t-Titoli tal‑Gvern, li ta' kuljum jippubblika l‑prezzijiet bir‑rati rispettivi u rapporti oħrajn tat‑titoli tal‑Gvern ta' Malta, jiġifieri Titoli tal‑Gvern ta' Malta u Bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta. Din it‑taqsima tinkludi wkoll rapporti dwar is‑Suq Monetarju, Opinjonijiet Legali dwar l‑Infurzar ta' Master Agreements u Rapporti u Artikli oħrajn.