Market Operations

Titoli tal-Gvern ta’ Malta

Sal‑1991, l‑irwol tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta bħala market maker kien jitwettaq abbażi ta’ tranżazzjonijiet barra mill‑Borża ta’ Malta (OTC). F’Jannar 1992, meta bdiet topera l‑Borża ta’ Malta (MSE), il‑Bank ħatar is‑sensar finanzjarju tiegħu biex jinnegozja titoli tal‑Gvern fuq il‑Borża skont it‑Taqsima 3(1) tal‑Istatut tal‑Borża ta’ Malta. Għaldaqstant, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta, permezz tal‑Uffiċċju tiegħu għat‑Titoli tal‑Gvern, iwettaq id‑dmirijiet tiegħu skont it‑Taqsima 3 (sotto‑klawżoli 3.00.06 ‑ 3.00.08) tar‑Regolamenti tal‑MSE.

Fid‑9 ta’ Lulju 2012, l‑MSE nidiet il‑pjattaforma l‑ġdida għan‑negozju, imsejħa Xetra (Negozju Elettroniku tal‑Borża), li ħadet post il‑Malta Automated Trading System (MATS ‑ is‑Sistema Awtomatizzata ta’ Negozju ta’ Malta) li fuqha kienu jiġu nnegozjati t‑titoli kollha rreġistrati fuq il‑Borża. Xetra hija waħda mill-pjattaformi ewlenin għan‑negozju fl‑Ewropa, imħaddma mill‑Grupp Deutsche Börse. Sal-5 ta’ Ottubru 2014, iċ-ċiklu ta’ pagamenti għat‑titoli kollha rreġistrati fuq l-MSE għas-Suq Regolari kien fuq bażi ta’ tlett ijiem mill-ġurnata ta’ meta saret it-tranżazzjoni (T+3). Wara l-migrazzjoni lejn ċiklu ta’ pagament T+2 imnedija fis-6 ta’ Ottubru 2014, in‑negozjar fit‑titoli kollha mniżżla fuq l-MSE jitwettaq abbażi ta’ ċiklu ta’ pagament ta’ jumejn mill-ġurnata ta’ meta saret it-tranżazzjoni (T+2). L‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern tal-Bank Ċentrali jippubblika l‑prezzijiet tal‑offerti għax‑xiri u l‑ibejgħ bir‑rati rispettivi kuljum għal kull stock fiċ‑ċirkolazzjoni maħruġ mill‑Gvern ta’ Malta abbażi ta’ pagament ta’ (T+2), wara l-azzjoni meħuda mill-MSE flimkien mal-biċċa l-kbira tas‑swieq l-oħra Ewropej. Jekk il‑pubbliku joffri titoli għall‑bejgħ, il‑pożizzjoni tal‑Bank dejjem kienet li jħalli biżżejjed ħin jgħaddi biex dawn ikunu jistgħu jinxtraw fis‑suq qabel ma jintervjeni. Jekk il‑Bank ma jkollux ammonti sostanzjali f’titoli partikolari għas‑suq sekondarju, f’dan il-każ il‑Bank ma jikkwotax prezzijiet indikattivi tal‑offerti għall‑bejgħ għal dawn it‑titoli.

Kull filgħodu, l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern tal-Bank Ċentrali jippubblika l‑prezzijiet indikattivi tal‑offerti għax‑xiri u l‑bejgħ li bihom il‑Bank ikun lest jixtri jew ibigħ ammonti raġjonevoli. Wara l‑għeluq tan‑negozju fuq l‑MSE, l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern tal-Bank Ċentrali jippubblika l‑prezzijiet tal‑għeluq tal‑offerti għax‑xiri u l‑bejgħ li bihom il‑Bank ikun attwalment innegozja dakinhar, jew il‑prezz li bih kien lest jixtri jew ibigħ ammonti raġjonevoli. Il‑Bank mhux obbligat jikkwota l‑prezzijiet indikattivi ppubblikati waqt is‑sessjoni tan‑negozju fuq l-MSE billi dawn huma soġġetti għal reviżjoni kontinwa b’reazzjoni għal tibdil fil‑prezzijiet innegozjati minn sensara finanzjarji privati ​​oħra waqt is-sessjoni. Il‑Bank iqis ukoll ix‑xejriet bażiċi tas‑sentiment tas‑suq, jiġifieri jirriżerva d‑dritt li jirrevedi l‑prezzijiet matul is‑sessjoni tan‑negozju fid‑dawl ta’ tibdil fil‑kundizzjonijiet tas‑suq. Minbarra l‑prezzijiet indikattivi tal‑offerti għax‑xiri u l‑bejgħ għal kull titolu fiċ‑ċirkolazzjoni maħruġ mill‑Gvern ta’ Malta (MGS), l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern tal-Bank Ċentrali jippubblika wkoll ir‑rati relattivi sal‑fidwa tal-istock. Sal‑2003, ir‑rati kienu jiġu kkalkulati skont il‑konvenzjoni Attwali/365 jum. Wara din id-data, ir‑rati bdew jiġu kkalkulati fuq bażi Attwali/Attwali. Billi l‑imgħax fuq stocks jitħallas kull sitt xhur, ir‑rati sal‑fidwa ma jistgħux jitqabblu eżattament ma’ dawk ta’ bonds oħrajn li l‑imgħax tagħhom jitħallas darba fis‑sena. Għalhekk, dan l‑Uffiċċju tat‑Titoli tal‑Gvern tal-Bank Ċentrali jippubblika wkoll ir‑rata tal‑fidi korrispondenti ma’ dik tal‑Assoċjazzjoni tas‑Swieq Internazzjonali tat‑Titoli (ISMA) li tirrappreżenta annwalizzazzjoni tar‑rati sal‑fidwa biex ir‑rati tal‑istocks tal‑Gvern ta’ Malta jkunu jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ bonds oħra li l‑imgħax tagħhom jitħallas fuq bażi annwali. 

Il‑prezzijiet tal‑offerti għax‑xiri u l‑bejgħ bir‑rati rispettivi jiġu ppubblikati kuljum fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank, Reuters u Bloomberg.

  Indicative opening Secondary Market Prices And Yields

Indicative Opening Secondary Market Prices And Yields 
(309kb - Last updated Thursday, June 8, 2023 11:12)

  Closing Secondary Market Prices And Yields

Closing Secondary Market Prices And Yields 
(318kb - Last updated Tuesday, June 6, 2023 15:59)

 

Indicative Rates based on Malta Government Benchmark Stocks

Quarterly Rates
(160kb - Last updated Thursday, March 30, 2023 14:56)
Daily Changes
(89kb - Last updated Tuesday, June 6, 2023 13:11)
Time Series
(88kb - Last updated Wednesday, May 31, 2023 14:59)