Awditjar
Il‑Kumitat tal‑Verifika tal‑Bank Ċentrali ta' Malta twaqqaf mill‑Bord tad‑Diretturi f'Marzu 2001. L‑artikolu 13 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta Kap. 204, jagħti s‑setgħa lill‑Bord tad‑Diretturi biex iwaqqaf Kumitat tal‑Verifika ħalli jgħinu jwettaq ir‑responsabbiltajiet tiegħu fi kwistjonijiet relatati mal‑proċess tal‑verifika interna u esterna, mas‑sistema tal‑maniġġ tar‑riskji u l‑kontroll intern u mal‑proċess tar‑rappurtaġġ finanzjarju.
Il‑Kumitat hu magħmul minn erba' membri mhux eżekuttivi tal‑Bord, b'wieħed mill-membri jkun maħtur mill-Bord bħala Chairperson. Ir‑rwol tal-Kumitat tal-Verifika jinkludi s‑sorveljanza ta' kwistjonijiet finanzjarji u rappurtaġġ estern, verifika u kontroll interni, verifika esterna, maniġġ tar‑riskji u etika. Il‑kompiti tal‑Kumitat tal‑Verifika huma rregolati permezz tal‑Karta tal‑Verifika tal‑Kumitat kif approvata mill‑Bord tad‑Diretturi. L‑għanijiet ġenerali tal‑Kumitat kif inklużi fil‑Karta tal‑Verifika tal‑Kumitat huma li:
- jissorvelja l‑integrità tar‑rapporti finanzjarji, u kull stqarrija formali relatata mal‑andament finanzjarju tal‑Bank;
- jissorvelja u jivvaluta l‑effikaċja tal‑funzjoni tal‑verifika interna u jsaħħaħ l‑indipendenza tagħha;
- itejjeb il‑kwalità tal‑maniġġ tar‑riskji, il‑kontroll intern, il‑verifika u l‑kontroll finanzjarju;
- jimplimenta politika dwar l‑ingaġġ tal‑awdituri esterni, inklużi servizzi mhux relatati mal‑verifika;
- jissorvelja u jeżamina l‑indipendenza, l‑oġġettività u l‑effikaċja tal‑awdituri esterni;
- jagħmel rakkomandazzjonijiet lill‑Bord fir‑rigward tal‑ħatra u t-tneħħija tal‑awdituri esterni;
- itejjeb il‑komunikazzjoni bejn il‑Bord tad‑Diretturi, l‑awdituri interni u esterni u l‑maniġment u
- jissorvelja l‑implimentazzjoni tal‑prinċipji tal‑prattiċi etiċi tal-awditjar.
Il‑Kumitat jirregola l‑proċeduri tiegħu stess iżda, bħala minimu, hu meħtieġ jirrapporta lill‑Bord erba' darbiet fis‑sena u jiltaqa' mal‑awdituri esterni mill‑inqas darbtejn fis‑sena.
L‑attività tal‑Verifika Interna tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (il‑Bank) taħdem taħt ir‑responsabbiltà diretta tal‑Bord tad‑Diretturi tal‑Bank permezz tal‑Kumitat tal‑Verifika. Il‑mandat tal‑funzjoni tal‑Verifika Interna hu definit kemm fiċ-Charter tal-Verifika Interna tal‑Bank u kif ukoll fiċ-Charter tal-Verifika tal‑Eurosistema/Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u l‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) fir‑rigward tar‑responsabbiltajiet aktar mifruxin tagħha Ewropej. Iż‑żewġ Charters ġew stabbiliti abbażi ta' standards professjonali, rikonoxxuti internazzjonalment, b'mod partikolari dawk tal‑Istitut tal‑Awdituri Interni (IIA), u huma approvati mill‑Bord tad‑Diretturi tal‑Bank u mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), rispettivament.
Il‑Verifika Interna topera bħala funzjoni ta' assigurazzjoni u konsulenza indipendenti u oġġettiva, maħsuba biex iżżid il‑valur u ttejjeb l‑operazzjonijiet. Hi tgħin lill‑Bank jilħaq l‑għanijiet organizzattivi tiegħu permezz ta' orjentament sistematiku u dixxiplinat maħsub biex jevalwa u jtejjeb l‑effettività tal‑maniġġ tar‑riskji, il‑proċessi ta' kontroll u governanza, inkluż l‑użu effiċjenti tar‑riżorsi tal‑Bank.
B'hekk, l‑Awdituri Interni jipprovdu assigurazzjonijiet raġonevoli lill‑maniġment tal‑Bank u, permezz tal‑Kumitat tal‑Awdituri Interni, lill‑korpi responsabbli għat‑teħid tad‑deċiżjonijiet tal‑BĊE inkluż, fejn hu relevanti, il‑Bord Superviżorju, dwar is‑suffiċenzja u l‑effettività tal-governanza tal-Bank, kif ukoll tal‑qafas operazzjonali, ta' kontroll u ta' monitoraġġ. Barra dan, permezz tar‑rakkomandazzjonijiet tagħha, l‑attività tal‑Verifika Interna tal‑Bank tfittex li tipproteġi u ssaħħaħ il‑valur organizzattiv billi tinstiga bidla utli filwaqt li trawwem kultura sensittiva għar-riskju ikkumplimentata b'reġim operazzjonali konxju mill‑ispejjeż u konxju soċjalment.
Skont artikolu 20 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Kap. 204, il-kontijiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti maħtura mill‑Bord tad‑Diretturi fuq rakkomandazzjoni tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u approvati mill‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea skont artikolu 27.1 tal‑Istatut tas‑Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal‑BĊE.
Ir‑rapport tal‑awditur indipendenti jiġi ppubblikat bħala parti mir‑Rapport Annwali tal‑Bank.