Ekonomija

Mudelli Ekonomiċi

Il-mudelli ekonomici jagħtu deskrizzjoni simplifikata iżda prattika tal-interkonnessjonijiet kumplessi li jikkaratterizzaw l-ekonomiji moderni. Il-mudelli jistgħu jaqbdu r-relazzjonijiet ekonomiċi ewlenin li fuqhom hija bbażata l-ekonomija, normalment ibbażati kemm fuq it-teorija kif ukoll fuq data tal-passat, u b'hekk iservu biex jgħinu lill-ekonomisti u lil dawk li jfasslu l-politika jifhmu l-mekkaniżmi interni tal-ekonomija.

Peress li l-mudelli ekonomiċi huma simplifikazzjonijiet tar-realtà, l-ebda mudell ma huwa maħsub biex jaqbad kull karatteristika tal-ekonomija. Minflok, mudelli differenti huma adatti għal skopijiet differenti. Fid-dawl ta' dan, il-Bank għandu sett ta' mudelli, kull wieħed maħsub għal għanijiet partikolari, u b'hekk ikun possibbli juża l-aktar mudell xieraq għal għanijiet speċifiċi, bħall-produzzjoni ta' tbassir, it-twettiq ta' simulazzjonijiet, u l-analiżi tal-politika. Il-mudelli ewlenin fis-sett ta' għodod tal-Bank huma dawn li ġejjin:

  • STREAM: mudell estimat u semi-strutturali tal-ekonomija Maltija li jintuża regolarment fl-eżerċizzji ta' tbassir makroekonomiku tal-Bank, u li huwa adattat sew biex jipprovdi riżultati dettaljati ta' simulazzjonijiet għal firxa wiesgħa ta' impatti ekonomiċi.
  • MEDSEA: mudell Dynamic Stochastic General Equilibrium (DSGE) ikkalibrat, ta' ekonomija żgħira u miftuħa, għal Malta li huwa ideali għall-analiżi tal-politika, u li jista' jipprovdi riżultati ta' simulazzjonijiet teoretikament konsistenti.
  • MaCGE-MOD: mudell Computable General Equilibrium (CGE) ikkalibrat, multi-input, multi-output u multisettorjali tal-ekonomija Maltija li huwa utli għall-analiżi settorjali tal-politiki u l-impatti.
  • Dynamic Factor Model (DFM) li jieħu minn sett ta' data ta' 38 varjabbli, u li jista' jieħu ħsieb frekwenzi mħallta u data nieqsa, li jintuża għat-tbassir fl-immedjat u għat-tbassir fuq żmien qasir tal-PDG reali.
  • Sett ta' Bayesian vector autoregressions (BVARs) li jvarjaw f'termini tan-numru ta' varjabbli endoġeni, li primarjament jintużaw biex jipproduċu tbassir fuq żmien qasir tal-PDG reali, id-deflatur tal-PDG u r-rata tal-qgħad.

Il-Bank għandu mudelli oħra, inkluż mudell diżaggregat ta' tbassir dwar l-inflazzjoni fuq żmien qasir, qafas ta' tbassir fiskali dettaljat, u diversi mudelli ad hoc.

Il-Bank huwa impenjat li jespandi kontinwament l-għodda tiegħu, b'mod partikolari fid-dawl ta' avvanzi fil-qasam. Barra minn hekk, minħabba n‑natura dinamika tal‑ekonomiji moderni, il‑Bank regolarment jirrevedi l-mudelli eżistenti tiegħu biex jiżgura li jibqgħu rappreżentazzjoni reali tal‑ekonomija Maltija. Dan l-approċċ huwa ta' benefiċċju fuq ħafna fronti: iwessa' l-firxa ta' possibbiltajiet ta' riċerka, itejjeb il-preċiżjoni tat-tbassir, u jsaħħaħ il-fehim tagħna tal-ekonomija domestika.