Politika makroprudenzjali
L‑għan ewlieni tal‑politika makroprudenzjali hu li jitnaqqsu l‑akkumulazzjoni ta' riskji fis‑settur finanzjarju u l‑effetti negattivi sinifikanti fuq l‑ekonomija reali, biex b'hekk jittaffa r‑riskju sistemiku.
Bħala l‑awtorità makroprudenzjali, il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu responsabbli għall‑formulazzjoni u l‑implimentazzjoni ta' politika makroprudenzjali permezz ta' għadd ta' strumenti li jintużaw biex jitrażżan ir‑riskju sistemiku jew riskju finanzjarju fil‑livell tas‑sistema kollha kemm hi, skont l-istrateġija tiegħu tal-politika makroprudenzjali. Fil‑formulazzjoni tal‑politika makroprudenzjali, tingħata importanza partikolari lir‑Rakkomandazzjonijiet maħruġa mill‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB). Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista', permezz tar‑Regolament tal‑Kunsill (UE) Nru 1024/2013, jekk jitqies meħtieġ, japplika rekwiżiti ogħla għar‑riżervi ta' fondi proprji minn dawk implimentati lokalment u jista' japplika miżuri iżjed stretti maħsuba biex jindirizzaw riskji sistemiċi jew makroprudenzjali fil‑livell tal‑istituzzjonijiet ta' kreditu.
Fil‑livell nazzjonali, l‑implimentazzjoni tal‑politika makroprudenzjali titwettaq billi tingħata l‑attenzjoni dovuta lill‑implikazzjonijiet mikroprudenzjali u b'kollaborazzjoni mill‑qrib mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). Għal dan il‑għan, bl‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta twaqqaf il‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (JFSB), li jiltaqa' regolarment biex jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika bħal dawn. Il‑Ministeru għall‑Finanzi (MFIN) jipparteċipa wkoll bħala osservatur fil‑laqgħat tal‑JFSB li jiffaċilita l‑kooperazzjoni bejn l‑awtoritajiet rilevanti fi kwistjonijiet li jolqtu l‑istabbiltà finanzjarja, inkluża l‑politika makroprudenzjali u, fejn ikun rilevanti, l‑istrumenti mikroprudenzjali. Il‑funzjoni tiegħu tinkludi:
- il‑formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet tal‑politika, maħsuba għall‑ħarsien tal‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja u li jistgħu jiġu kkomunikati lil awtorità pubblika rilevanti jew lil istituzzjoni pubblika;
- l‑identifikazzjoni u l‑valutazzjoni tal‑istrumenti makroprudenzjali u, fejn ikun rilevanti, tal‑istrumenti mikroprudenzjali, li jkunu meħtieġa li jiġu implimentati biex jittaffew jew jiġu kkontrollati r‑riskji sistemiċi u riskji oħra għas‑sistema finanzjarja;
- l‑għoti ta' pariri dwar jekk u kif awtorità jew istituzzjoni pubblika għandha taġixxi fir‑rigward ta' istituzzjoni tal‑kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jekk jidher li l‑kwistjoni tkun rilevanti għall‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja.
Rakkomandazzjonijiet, pariri jew valutazzjonijiet bħal dawn li jagħmel il‑JFSB għandhom jitqiesu minn awtorità pubblika jew istituzzjoni pubblika f'Malta fit‑twettiq tal‑funzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, għandu jkun id‑dmir tat‑tali awtorità pubblika jew istituzzjoni pubblika li titlob l‑opinjoni tal‑JFSB qabel ma teżerċita kwalunkwe funzjoni li tista' tolqot l‑istabbiltà finanzjarja.
Biex jilħaq l‑għanijiet tiegħu, il‑JFSB jiddiskuti kwistjonijiet relatati ma', jew li jolqtu, is‑sistema finanzjarja, inklużi kemm il‑politika domestika kif ukoll l‑iżviluppi fl‑Unjoni Ewropea, b'mod partikolari dawk konnessi mar‑regolamenti u l‑istandards, u l‑istrumenti makroprudenzjali. Il‑JFSB jifformula r‑rakkomandazzjonijiet tal‑politika maħsuba biex iħarsu l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja u jaġixxi kif ikun meħtieġ fir‑rigward ta' rakkomandazzjonijiet jew twissijiet tal‑ESRB, u kwalunkwe kwistjoni oħra ta' natura makroprudenzjali li jista' jkun meħtieġ li tiġi komunikata mill‑Bank, l‑MFSA u l‑Gvern lill‑ESRB, lill‑BĊE u/jew lil kwalunkwe awtorità rilevanti oħra. Rakkomandazzjonijiet ta' natura makroprudenzjali maħruġa mill‑JFSB jintbagħtu lill‑Bord tad‑Diretturi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta biex jitqiesu għall‑adozzjoni, waqt li rakkomandazzjonijiet ta' natura mikroprudenzjali jintbagħtu lill‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑MFSA.
Apparti mill‑involviment dirett tiegħu fil‑formulazzjoni tal‑politika makroprudenzjali, il‑Bank jipprovdi wkoll pariri lill‑Gvern u lil korpi oħra tas‑settur pubbliku dwar diversi kwistjonijiet relatati mal‑istabbiltà finanzjarja. Il‑pariri jkollhom valur partikolari meta l‑Gvern ikun qed ifassal pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'diversi stadji tal‑proċess tat‑teħid tad‑deċiżjonijiet qabel l‑introduzzjoni ta' Direttivi jew Regolamenti ġodda tal‑UE relatati mas‑settur finanzjarju. B’mod partikolari, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkontribwixxi b’mod attiv fid-dokumentazzjonijiet kollha dwar is-settur finanzjarju li jkunu qed jiġu diskussi fil-Kunsill tal-UE.