About Us

Is-Sur Oliver Bonello

Is-Sur Oliver Bonello nħatar Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta responsabbli għall‑Istabbiltà Finanzjarja f'Lulju 2017 u reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga f'Lulju 2022. Hu Membru Fellow tal-Istitut Malti tal‑Kontabilisti bil-warrant ta’ Kontabilist Pubbliku Ċċertifikat. Ikkwalifikat ukoll biċ-Ċertifikat ta' Prattikar fil‑Verifika. Is-Sur Bonello huwa membru tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea u tal-Bord Superviżorju (MSU) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Jirrappreżenta wkoll lill-Bank fit-Task Force ta’ Livell Għoli tal-BĊE dwar il-proġett Integrated Reporting Framework. Hu wkoll membru tal‑Bord Superviżorju tal‑Bank Malti ta’ Żvilupp. Hu l-President tal-Kumitat tal-Istatistika, il-Kumitat tar-Riskju, u l-Kumitat Permanenti Domestiku fi ħdan il-Bank, u membru tal-Kumitat tal-Istabbiltà Finanzjarja tal-Bank u tal-Bord Konġunt dwar l-Istabbiltà Finanzjarja.

Matul il‑karriera tiegħu fil-Bank, is-Sur Bonello ħadem f’diversi diviżjonijiet tal‑Bank u kellu karigi għoljin relatati ma’ regolamentazzjoni u superviżjoni, verifika interna, sistemi tal‑informazzjoni, riskju operattiv u finanzjarju, l-istatistika u l‑istabbiltà finanzjarja. Kien involut ukoll fl-abbozzar u l-ħruġ ta' diversi dokumenti ta’ politika makroprudenzjali u mikroprudenzjali u noti ta' gwida relatati mal-istabbiltà finanzjarja, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, ir-reġistru ċentrali tal-kreditu u s-superviżjoni tiegħu, il-verifika interna, u r-riskju finanzjarju u operattiv tiegħu. Matul is-snin, ippresieda jew ipparteċipa f’diversi kumitati u gruppi tax-xogħol, kemm lokalment u kif ukoll barra minn Malta. Kien membru tal-Kumitat tal-Awdituri Interni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-IT tal-Eurosistema tas-SEBĊ tal-BĊE, il-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRB). Is-Sur Bonello kellu wkoll il-kariga ta’ Viċi President tal-Ad Hoc Working Party tal-Kunsill Ewropew fuq it-Tisħiħ tal-Unjoni Bankarja matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel nofs tal-2017. Is-Sur Bonello kien membru wkoll tal-Kumitat għat-Tmexxija tal-Iskema ta’ Kumpens.

Is-Sur Oliver Bonello
Fotografu: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta