Konformità Regolatorja

Protezzjoni tad-Data

Politika dwar il-Protezzjoni tad-Data

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 ('GDPR') u l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (Kap. 586 tal-Liġijiet ta’ Malta) jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kemm jekk tinżamm elettronikament kif ukoll jekk f’forma manwali. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta (‘il‑Bank’) huwa impenjat li jikkonforma bis‑sħiħ mal‑prinċipji tal‑Protezzjoni tad‑Data kif stipulati f'din il‑leġiżlazzjoni dwar il‑protezzjoni tad‑data.

Għanijiet għall-ġbir tad-data

Il‑Bank jiġbor u jipproċessa data biex iwettaq il‑funzjonijiet u l‑obbligi tiegħu skont l‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204 tal-liġijiet ta’ Malta) u liġijiet applikabbli oħrajn. L-għan ewlieni tal-Bank huwa li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Aktar informazzjoni dettaljata dwar il‑Missjoni tal‑Bank tinsab hawn.

Il-Bank jista’ jiġbor u jipproċessa data personali għal diversi għanijiet. Din tista’ tinkludi data li għandha x’taqsam mal-impjegati tal-Bank, ma’ kuntatti tan-negozju jew ma’ membri tal-pubbliku.

Il‑Bank jirrikonoxxi l‑pożizzjoni privileġġata tiegħu li jirċievi din id‑data u huwa impenjat li jħares il‑privatezza tal‑individwi li jipproċessa d‑data tagħhom, u li jissodisfa r‑responsabbiltajiet tiegħu fejn jipproċessa data personali b'mod li jkun konsistenti mal‑prinċipji stabbiliti fil‑leġiżlazzjoni dwar il‑protezzjoni tad‑data.

Prinċipji tal-Protezzjoni tad-Data

Kull ipproċessar tad-data għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji bażiċi li ġejjin:

  • id-data personali għandha tkun ipproċessata b’mod legali, b’mod ġust u b’mod trasparenti;
  • id-data personali għandha dejjem tiġi pproċessata skont il-prattika tajba;
  • id-data personali għandha tinġabar biss għal skopijiet speċifiċi, espliċitament iddikjarati u leġittimi;
  • id-data personali m’għandhiex tkun ipproċessata għal kwalunkwe għan li jkun inkompatibbli ma' dak li għalih tkun inġabret l-informazzjoni;
  • id-data personali li hija pproċessata għandha tkun adegwata u rilevanti fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar;
  • id-data personali li tiġi pproċessata għandha tkun korretta u, jekk meħtieġ, aġġornata;
  • għandhom jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jimlew, jikkoreġu, jimblokkaw jew iħassru d-data sal-punt li dik id-data mhix kompluta jew skorretta, meta jitqiesu l-għanijiet li għalihom ikunu pproċessati;
  • id-data personali m’għandhiex tinżamm għal perjodu itwal minn dak meħtieġ, wara li jitqiesu l-għanijiet li għalihom hija pproċessata;
  • id-data personali għandha tiġi pproċessata b'mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data, inkluża l-protezzjoni kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali, qerda aċċidentali, telf jew ħsara;
  • id-data personali m’għandhiex tiġi trasferita lil pajjiżi terzi li ma joffrux livell adegwat ta’ protezzjoni.

Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, il-Bank żviluppa wkoll politika interna dwar il-Protezzjoni tad-Data li trid tiġi rispettata mill-impjegati meta jipproċessaw id-data personali. Il‑Politika Interna għall‑Protezzjoni tad‑Data tistabbilixxi r‑regoli u l‑obbligi segwiti mill‑Bank meta jipproċessa data personali skont il‑leġiżlazzjoni attwali dwar il‑protezzjoni tad‑data.

Il‑Bank bħala Kontrollur tad-Data

Il‑Bank huwa kkunsidrat bħala kontrollur tad‑data skont il‑leġiżlazzjoni attwali. Il-Bord tad-Diretturi huwa responsabbli għall-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data filwaqt li Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data, maħtur mill-Bord, jittratta kwistjonijiet ta’ kuljum relatati mal-protezzjoni tad-data. L‑impjegati kollha tal‑Bank li jipproċessaw data personali għandhom jaġixxu b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-protezzjoni tad-data

Riċevituri tad-Data

Data personali tiġi aċċessata biss minn dawk l-impjegati tal-Bank li huma assenjati biex iwettqu l-funzjonijiet tal-Bank kif preskritt bil-liġi. Id-data personali tista' tiġi żvelata lil partijiet terzi biss meta jkun meħtieġ u skont il-leġislazzjoni attwali. 

Is-suġġetti kollha tad-data għandhom id-dritt ta’ aċċess għal kwalunkwe data personali miżmuma mill-Bank. It-talbiet għall-aċċess għad-data personali mis-suġġetti tad-data għandhom isiru bil-miktub u jintbagħtu lill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Bank, li d-dettalji tiegħu ta' kuntatt huma pprovduti hawn taħt. Il‑Bank għandu l‑għan li jikkonforma kemm jista' jkun malajr mat‑talbiet għal aċċess għal data personali u jiżgura li dawn jiġu pprovduti f'perjodu ta’ żmien raġonevoli skont il‑leġiżlazzjoni dwar il‑protezzjoni tad‑data.

Iż-Żamma tad-Data Personali

Il-Bank jiżgura li d-data personali kollha għandha tinżamm skont il-GDPR, jiġifieri, għal mhux aktar milli jkun meħtieġ, wara li jiġu kkunsidrati l-finijiet li għalihom tiġi pproċessata. Il‑Bank għandu fis‑seħħ politika għaż‑żamma tad‑data sabiex jiżgura li d‑data personali tinqered ladarba ma tkunx aktar meħtieġa mill‑Bank.

Mistoqsijiet u Informazzjoni ta’ Kuntatt

Aktar informazzjoni dwar il‑prinċipji u l‑leġiżlazzjoni tal‑protezzjoni tad-data tista' tinkiseb mis-sit elettroniku tal‑Uffiċċju tal‑Kummissarju għall‑Informazzjoni u l‑Protezzjoni tad-DataMistoqsijiet rigward il-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu mgħoddija lill-Uffiċjal tal-Bank għall-Protezzjoni tad-Data permezz tal-formola elettronika, bit-telefon fuq (+356) 2550 4353 jew bil-miktub lil:

Data Protection Officer
Bank Ċentrali ta' Malta,
Pjazza Kastilja,
Valletta, VLT 1060 

Jekk ma tismax mingħandna fi żmien tlett ijiem, ċemplilna biex tikkonferma li l-email tiegħek fil-fatt waslet il-Bank.