About Us

Is-Sinjura Rita Schembri

Is-Sinjura Rita Schembri tokkupa l-irwol ta' Deputat Gvernatur responsabbli għall-politika monetarja fil-Bank Ċentrali ta' Malta.

Hija ngħaqdet mal-Bank fl-1999 bħala ekonomista trainee fir-riċerka fl-Uffiċċju tal-Gvernatur, u aktar tard fl-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Esterni. F'din il-kariga, hija appoġġjat l-amministrazzjoni għolja tar-rappreżentanza ta' Malta fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inklużi l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

Matul l-ewwel nofs tal-karriera tagħha, is-Sinjura Schembri kkontribwiet għall-impenn tal-Bank fl-Eurosistema u ma' dawk il-partijiet interessati esterni rigward il-materji relatati mal-adozzjoni tal-euro u l-proċess ta' konverġenza ekonomika. Hija għenet ukoll fil-koordinazzjoni ta' aġġornamenti interni li saru qabel il-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-Kunsill Ġenerali.

Fl-2011 inħatret Maniġer fid-Dipartiment għall-Analiżi Ekonomika, u fl-2018, imxiet għall-irwol ta' Kap fl-istess dipartiment. F'dawn l-irwoli, hija kienet responsabbli mill‑analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi kemm f'Malta u fiż‑żona tal‑euro għall‑pubblikazzjonijiet ekonomiċi ewlenin tal‑Bank. Ikkoordinat ukoll eżerċizzji ta' tbassir ekonomiku, inklużi dawk għall‑finanzi pubbliċi. Hija mexxiet l-eżerċizzju tad-Djalogu man-Negozji u sa reċentement kienet responsabbli għall-Istħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji. Fl-2017, is-Sinjura Schembri assumiet ukoll responsabbiltajiet ġodda relatati mal-istatistika tal-finanzi tal-gvern u l-istatistika ekonomika ġenerali.

Għal bosta snin, is-Sinjura Schembri kienet waħda mir-rappreżentanti tal-Bank fil-Kumitat għall-Politika Monetarja tal-BĊE u, qabel dan, f'xi wħud mis-sottostrutturi tiegħu, b'mod partikolari dawk responsabbli għat-tbassir fiskali u makroekonomiku.

Sadattant hija rrappreżentat lill‑Bank f'fora lokali, inklużi l‑Awtorità tal‑Istatistika ta' Malta u l‑Kunsill Konsultattiv għall‑Industrija tal‑Bini. Hija wkoll il‑membru alternattiv tal‑Bank fil‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Is-Sinjura Schembri għandha grad ta' B.Com (Hons) fl-Ekonomija mill-Università ta' Malta u grad ta' Master of Science fl-Ekonomija Finanzjarja miċ-Ċentru għall-Istudji Finanzjarji u tal-Maniġment, bħala parti minn SOAS, l-Università ta' Londra, fir-Renju Unit.

Is-Sinjura Rita Schembri
Ritratt: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta