Konformità Regolatorja

Konformità Regolatorja

L‑iżvilupp u t‑twaqqif ta’ sistema ta’ konformità regolatorja huwa wieħed mill‑iktar kompiti importanti għal bank sabiex jassigura s‑solidità u l‑adegwatezza tan‑negozju tiegħu. L‑iskop ta’ konformità regolatorja, kemm fuq livelll lokali u kif ukoll f’dak tal‑Unjoni Ewropea (UE), kiber b’mod drammatiku u qed ikompli jespandi. Il‑penali regolatorji żdiedu wkoll matul is‑snin u qed jiġi applikat skrutinju iktar strett fis‑settur bankarju kollu.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (il‑“Bank”) jassigura li l‑politika interna kollha tiegħu hija b’saħħitha u sostenibbli sabiex ikun jista’ jirreaġixxi b’mod effettiv għall-bidliet fl‑oqfsa leġiżlattivi. Għal dan il‑għan, il‑Bank stabbilixxa regoli fil‑Kodiċi tiegħu tal‑Etika għall‑impjegati kollha li għandhom isegwu f’materji ta’ etika professjonali. Il‑Kodiċi tal‑Etika tal‑Bank iservi wkoll bħala referenza fir‑rigward tal‑istandard ta’ kondotta li partijiet terzi huma intitolati li jistennew fit‑trattamenti tagħhom mal‑Bank. Barra dan, il‑Bank stabbilixxa qafas għall‑imġiba xierqa mill‑impjegati kollha tiegħu fir‑rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw informazzjoni tal‑Bank sabiex jipproteġi lill-impjegati u kif ukoll lill-Bank. Il‑Bank għandu wkoll politika fis‑seħħ li tassigura konformità mal‑leġiżlazzjoni lokali u tal-UE dwar il‑protezzjoni tad‑data, u kif ukoll konformità mal‑oqfsa leġiżlattivi kontra l‑ħasil tal‑flus.