About Us

Litteriżmu Finanzjarju

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta joffri firxa ta’ riżorsi biex jibni l‑għarfien tal‑pubbliku u jippromwovi fehim aħjar tal‑irwol, il‑funzjonijiet u l‑għanijiet tiegħu fuq livell nazzjonali u fuq livell Ewropew bħala parti mis‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali (SEBĊ). Għandna wkoll firxa ta’ preżentazzjonijiet informattivi bil‑għan li jitjieb il‑litteriżmu finanzjarju.

Żjajjar fil-Bank Ċentrali ta' Malta

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jilqa’ wkoll żjajjar informattivi/edukattivi tul is‑sena kollha. Dawn is‑sessjonijiet isiru l‑Bank. Waqt iż‑żjajjar edukattivi, l‑istudenti jingħataw deskrizzjoni ġenerali tal‑irwol u l‑funzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta u tal‑interazzjoni tiegħu mal‑Eurosistema. Wara dan, issir preżentazzjoni qasira dwar il‑karatteristiċi tas‑sigurtà tal‑karti tal‑flus u tal‑muniti tal‑euro.

Dawn is‑sessjonijiet jiġu offruti l‑iżjed lil studenti tal‑iskejjel sekondarji u terzjarji li jkunu qed isegwu studji dwar l‑ekonomija/in‑negozju. Kull sessjoni hi miftuħa għal gruppi ta’ mhux iżjed minn 30 student/a u l‑preżentazzjonijiet idumu madwar siegħa.

Sabiex torganizza żjara, jekk jogħġbok ikkuntattjana hawnFilwaqt li jsir kull sforz sabiex jiġu akkomodati t‑talbiet, jiddispjaċina li dan mhux dejjem ikun possibbli.

Programm ta' outreach

Il‑Bank hu attiv ħafna fir‑rigward tal‑promozzjoni tal‑edukazzjoni finanzjarja fost il‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus li jaħdmu fl‑istituzzjonijiet finanzjarji, fil‑ħwienet u l‑każinos, u joffri taħriġ u kif ukoll ċertifikazzjoni.

Bil‑kollaborazzjoni tal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x‑Xogħol, il‑Bank Ċentrali joffri wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il‑flus tal‑euro lill‑iskejjel tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti, li joffru lill‑istudenti l‑opportunità li japprezzaw ix‑xogħol relatat mal‑provvista tal‑flus tagħna u jkunu jistgħu jiċċekkjaw il‑karti tal‑flus u l‑muniti tagħhom sabiex ikunu żguri li l‑flus li jkollhom f’idejhom huma tajbin u ġenwini.

Il‑Bank jipparteċipa wkoll fin‑Notte Bianca u jinqeda b’dan l‑avveniment kulturali bħala mod biex iwassal l‑attivitajiet tiegħu għand il‑pubbliku, bil‑preżenza wkoll ta’ impjegati li jispjegaw dwar kif tagħraf il‑karti tal‑flus u l‑muniti foloz.

Inizjattivi Edukattivi oħra

Fond tal‑Premju John Earland

Fl‑2005, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta waqqaf il‑Fond tal‑Premju John Earland. John Earland, eks Gvernatur tal‑Bank, għamel donazzjoni tas‑somma ta’ US$10,000 biex iwaqqaf fond għall‑finanzjament ta’ premju annwali għall‑aħjar riżultat akkademiku jew essay relatat ma’ kwalunkwe waħda mill‑funzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. L‑għan tal‑premju hu li jkattar l‑għarfien ta’ kwistjonijiet relatati mal‑Bank Ċentrali ta’ Malta u li jħeġġeġ l‑aġġornament tal‑ħiliet u tal‑għarfien f'dan il‑qasam. Ir‑regolamenti jistgħu jitniżżlu minn hawn.