Bills tat-Teżor ta’ Malta
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għandu rwol ukoll bħala market maker għall‑bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta fis‑suq sekondarju domestiku mill-uffiċċju għat-Titoli tal-Gvern li twaqqaf għal dan il-għan. Sal-5 ta' Ottubru 2014, il‑prezzijiet tal‑offerti għax‑xiri, u l-bejgħ bir-rati rispettivi għall‑bills kollha tat‑Teżor fiċ‑ċirkolazzjoni għas-suq sekondarju kienu ta' kuljum jiġu ppubblikati abbażi tal‑valur tal‑istess jum (T+0), fir‑rigward ta' tranżazzjonijiet innegozjati fil‑Borża, li għalihom il‑pagament kien isir permezz tat‑TBClear tal-Borża ta' Malta (MSE), u wkoll abbażi tal‑valur ta' jum wieħed (T+1) għal tranżazzjonijiet li saru abbażi ta' Free of Payment (FOP) (Bla Ħlas - jiġifieri barra l-MSE) permezz tal‑paġna tan‑negozju OTC fuq is‑sistema tan‑negozju Xetra.
Mis-6 ta' Ottubru 2014 'l hawn, wara tibdil fil-pagament minn T+0 (l-istess jum) ghal T+2 (fuq jumejn mill-ġurnata li saret it-tranżazzjoni), il-Bank beda jippubblika l-prezzijiet tal-offerti għax‑xiri, u l-bejgħ bir-rati rispettivi kuljum abbażi ta' pagament T+2 li jiġu kkwotati matul is-Sessjoni ta' Negozjar tal-Bills tat-Teżor fuq is-Suq Regolari tal-MSE fuq Xetra. Peress li l-Bank jista' jinnegozja wkoll f'bills tat-Teżor fuq is-suq barra l‑Borża abbażi ta' FOP, (pagament barra l-MaltaClear), huwa dejjem lest li jikkwota l-prezzijiet bir-rati rispettivi tal-bills tat-Teżor abbażi ta' pagament T+1 meta jkun mitlub (għalkemm jeżisti l-limitu fin-negozjar).
Il-perjodi ta' maturità għal dawn il‑bills huma ta' xahar, tliet xhur, sitt xhur, disa' xhur u sena. Il‑Bank jirriżerva d‑dritt li jirrevedi l‑prezz tiegħu għall‑offerta għax‑xiri fir‑rigward ta' ammonti kbar li jitqiesu bħala ogħla mil‑livelli normali. Il‑Bank ma jinnegozjax f'bills tat‑Teżor li jkun baqgħalhom inqas minn ħamest ijiem tax‑xogħol sal‑maturità tagħhom.
Il‑prezzijiet bir‑rati rispettivi jiġu ppubblikati ta' kuljum fis‑sit elettroniku tal‑Bank, Reuters u Bloomberg.
Qabel l‑1 ta' April 2007, il‑bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta kien għadhom f'għamla ta' ċertifikat u kienu jiġu nnegozjati OTC (barra l-MSE). Mill‑1 ta' April 2007, il‑bills tat‑Teżor tal‑Gvern ta' Malta ma baqgħux jinħarġu f'forma ta' ċertifikat għax ġew irreġistrati u nnegozjati ‑ fuq l-MSE. Qabel l-1 ta' April 2007, ir‑rati tal‑bills tat‑Teżor kienu jiġu kkalkulati fuq bażi Attwali/365 jum. Mill‑1 ta' April 2007 'l hawn, dawn ir‑rati bdew jiġu kkalkulati fuq bażi Attwali/360 jum.
Treasury Bills Auction Results - Treasury Department