Il-Libertà tal-Informazzjoni
L‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni (Kap. 496) jagħti lill-pubbliku ġenerali d-dritt li jitlob dokumenti jew informazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi. Hemm limitazzjonijiet speċifiċi għal dan id-dritt, filwaqt li numru ta' obbligi huma imposti fuq l‑awtoritajiet pubbliċi. Fit-twettiq tal-obbligi statutorji tiegħu, il-Bank Ċentrali ta' Malta qed jipprovdi l-informazzjoni li ġejja li tista' tintuża bħala gwida biex tinforma aħjar lill-pubbliku ġenerali dwar ix-xogħol u l-funzjonijiet tiegħu.
L‑Att daħal fis‑seħħ fl‑1 ta' Settembru 2012.
Missjoni, Funzjonijiet, Struttura u Governanza
Għal deskrizzjoni tal‑missjoni, il‑funzjonijiet, l‑istruttura tal‑organizzazzjoni, u l‑governanza tal‑Bank, ikklikkja fuq il‑links li jidhru hawn taħt:
Għal iżjed informazzjoni dwar kif il‑Bank iħares lejn il‑libertà tal‑informazzjoni, ikklikkja fuq Kodiċi tal‑Prattika tal‑Libertà tal‑Informazzjoni.
Deskrizzjoni ġenerali tal‑kategoriji ta' dokumenti miżmuma skont l-Artikolu 17 (1) tal-Kap. 496 tal-Liġijiet ta' Malta
Il‑Bank għandu dokumenti li jaqgħu taħt il‑kategoriji li ġejjin:
- Dokumenti ta' politika, studji konsultattivi, rapporti, studji u dokumenti ta' ħidma relatati, dwar suġġetti li jaqgħu taħt il‑funzjonijiet tal‑Bank
- Ftehimiet Nazzjonali u Internazzjonali, Multilaterali u Bilaterali (Memoranda ta' Ftehim)
- Abbozzi ta' liġijiet sal‑istadju tal‑pubblikazzjoni
- Noti ta' informazzjoni u noti għal diskorsi għall‑użu tal‑Gvernaturi
- Dokumentazzjoni u korrispondenza relatati ma' kwistjonijiet pertinenti ta' importanza internazzjonali
- Dokumenti relatati mal‑implimentazzjoni tal‑inizjattivi tal‑Bank
- Dossiers relatati mal‑ksib ta' prodotti u servizzi
- Files personali tal‑impjegati tal‑Bank
- Punti tal‑aġenda, Minuti ta' Laqgħat, Diskorsi u Intervisti.
Deskrizzjoni tal‑manwali kollha u tipi simili ta' dokumenti
Il‑Bank għandu d‑dokumenti li ġejjin, skont liema deċiżjonijiet jittieħdu u liema rakkomandazzjonijiet isiru fir‑rigward ta' membri tal‑pubbliku (inklużi korpi ġuridiċi u impjegati tal‑Bank fil‑kapaċità personali tagħhom):
- Dokumenti relatati mal‑proċeduri adottati għall‑amministrazzjoni tal‑proċess ta' ksib ta' prodotti u servizzi tal‑Bank, bħall‑ħruġ ta' sejħiet għall‑offerti
- Dokumenti relatati ma' karti tal‑flus u muniti, bħal karti tal‑flus imqattgħin u rtirati miċ‑ċirkolazzjoni, bejgħ ta' muniti għall‑kollezzjonisti, u riproduzzjoni ta' karti tal‑flus
- Dokumenti relatati mar‑relazzjonijiet esterni tal‑Bank mal‑pubbliku ġenerali
- Proċeduri segwiti fin‑negozjar bl‑imnut u bl‑ingrossa ta' Bills tat‑Teżor u Bonds tal‑Gvern
- Proċeduri segwiti fir‑reklutaġġ intern u estern
- Proċeduri relatati ma' Protezzjoni tad‑Data u Libertà tal‑Informazzjoni
- Regoli amministrattivi ġenerali għall‑utenti tal‑Librerija tal‑Bank
- Dokumenti relatati ma' servizzi bankarji għall‑individwi.
Jekk jogħġbok innota li xi informazzjoni fost dik elenkata hawn fuq hi eskluża mill‑obbligu ta' żvelar skont l‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni (Kap. 496).
Kif Tista' Titlob Informazzjoni
Qabel ma titlob informazzjoni miżmuma mill‑Bank skont l‑Att dwar il‑Libertà tal‑Informazzjoni, hu ssuġġerit li tiċċekkja s-sit elettroniku biex tara jekk l‑informazzjoni meħtieġa hijiex diġà ppubblikata. Jekk din ma tkunx disponibbli, inti intitolat/a li tissottometti talba skont il-Libertà tal-Informazzjoni mal-Bank. Talbiet skont il‑Libertà tal‑Informazzjoni għandhom jiġu sottomessi bil-miktub, u jistgħu jintbagħtu b'email lill-FOI jew mill-portal tal-FOI permezz tal-e-ID jew permezz tal-formola online.*
Ħlasijiet dovuti meta ssir talba
Il‑Bank għandu jitlob ħlas għall‑aċċess għal dokumenti jew informazzjoni skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Att b'konformità mar‑Regolamenti dwar Ħlasijiet Imposti mill‑Awtoritajiet Pubbliċi għall‑Aċċess għal Dokumenti (A.L. 158 tal‑2010), kif ġej:
Il‑Bank jitlob ħlas għall‑ipproċessar skont il‑ħin meħtieġ biex tiġi pproċessata t‑talba, f'termini ta' sigħat ta' xogħol. B'mod speċifiku, japplikaw il‑ħlasijiet għall‑ipproċessar li ġejjin:
Talbiet li jeħtieġu inqas minn sagħtejn xogħol biex jiġu pproċessati
|
€5.00
|
Talbiet li jeħtieġu mill‑inqas sagħtejn, iżda inqas minn tliet sigħat xogħol biex jiġu pproċessati
|
€10.00
|
Talbiet li jeħtieġu mill‑inqas tliet sigħat, iżda inqas minn erba' sigħat xogħol biex jiġu pproċessati
|
€15.00
|
Talbiet li jeħtieġu mill‑inqas erba' sigħat xogħol biex jiġu pproċessati
|
€20.00
|
Kull meta jsiru spejjeż addizzjonali biex l‑applikant jiġi pprovdut bid‑dokument mitlub jew bl‑informazzjoni mitluba, irrispettivament mill‑fatt jekk dan is‑servizz jingħatax fil‑format ippreferut mill‑applikant fit‑talba tiegħu, il‑Bank jitlob ħlas addizzjonali. B'mod partikolari, japplikaw il‑ħlasijiet addizzjonali li ġejjin:
Fotokopji u faxes
|
€0.12 għal kull paġna
|
Midja diġitali
|
Prezz tal‑midja diġitali użata (eż. CD)
|
Dokumenti elettroniċi li huma disponibbli permezz tas-sit elettroniku tal‑Bank għandhom ikunu bla ħlas.
Kif isir il‑ħlas
Wara li jibgħat talba skont il-Libertà tal-Informazzjoni, l‑applikant jiġi informat dwar il‑ħlasijiet li l‑Bank ikun biħsiebu jitlob. L‑applikanti jistgħu jagħmlu l‑ħlasijiet dovuti fir‑rigward ta' dokumenti/informazzjoni mitluba, permezz ta' ċekkijiet pagabbli lill‑Bank Ċentrali ta' Malta, li jiġu kkunsinjati bl‑idejn jew mibgħuta bil‑posta, jew jista' jsir ħlas permezz ta' flus kontanti. Meta l‑Bank jirċievi l‑ħlas, tinħareġ irċevuta.
Mistoqsijiet
Mistoqsijiet dwar kif il‑Bank iħares lejn il‑libertà tal‑informazzjoni għandhom jiġu indirizzati lill‑Freedom of Information Officer permezz ta' email.*
Ilmenti
Fil-każ li l-applikant ma jaqbilx mat-trattament tat-talba tal-Bank, l-applikant jista' jressaq ilment mal-Bank. Formoli tal-ilment jistgħu jiġu sottomessi bil-miktub, u jistgħu jintbagħtu b'email lill-FOI Complaints jew mill-portal tal-FOI permezz tal-e-ID jew permezz tal-formola online dwar ilment.*
L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jagħti d-dritt lill-applikant li jindirizza ilmenti jew li jitlob investigazzjoni u reviżjoni mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.
* Jekk ma tismax mingħandna fi żmien tlett ijiem, ċemplilna biex tikkonferma li l-email tiegħek fil-fatt waslet il-Bank.