Payment Systems

Sorveljanza

Ambitu ta' Sorveljanza

Kif spjegat f'Artikolu 34 tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) hu responsabbli għas‑sikurezza u l‑effiċjenza tas‑sistemi ta' pagament u tas‑sistemi ta' kklirjar u ta' saldu ta' titoli (kollettivament imsejħa Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji - FMIs) l-aktar permezz tal‑infurzar tar‑regolament u t‑twettiq ta' sorveljanza. Minħabba li l-ekonomiji tas-swieq huma kkaratterizzati minn għadd sinifikanti ta' tranżazzjonijiet ta' pagament ta' kuljum, il-funzjoni ta' sorveljanza għandha rwol importanti fis-salvagwardja tal-istabbiltà u l-effiċjenza tas-settur finanzjarju. Dan huwa l-aktar minħabba li l-FMIs jipprovdu mezzi li permezz tagħhom il-fondi jistgħu jiġu ttrasferiti fost istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra sabiex jikklirjaw obbligi ta' pagamenti li jippermettu li t-tranżazzjonijiet isiru b'mod sigur u effiċjenti.

Għal dan il‑għan, il‑funzjoni ta' sorveljanza fi ħdan il‑Bank hija prinċipalment responsabbli għas‑sorveljanza tal‑FMIs nazzjonali kif ukoll skemi ta' pagament għal strumenti differenti ta' pagament.

Standards ta' Sorveljanza

Bħala parti mis‑Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), il‑Bank għandu l‑mandat li jsegwi standards ta' evalwazzjoni, linji gwida u rakkomandazzjonijiet kif adottati u awtorizzati mill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il-lista ta' standards u prinċipji li jintużaw biex jitwettqu l-evalwazzjonijiet meħtieġa hija konformi mal-istandards stabbiliti internazzjonalment kif maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u ta' Saldu (CPSS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) għall-FMIs. Metodoloġija ta' evalwazzjoni bħal din hija magħrufa bħala l-Prinċipji għall-FMIs li jistgħu jintużaw fuq tipi varji ta' infrastrutturi.

Barra minn hekk, il-Bank (bħala parti mill-Eurosistema) adotta l-Oversight Framework for electronic payment instruments, schemes and arrangements (PISA) li ġie żviluppat riċentement. Dan il-qafas stabbilixxa sett ta' prinċipji ta' sorveljanza, ibbażati fuq standards internazzjonali, biex jiġu evalwati s-sikurezza u l-effiċjenza tal-istrumenti, l-iskemi u l-arranġamenti ta' pagament elettroniċi.

Aktar informazzjoni relatata mal-funzjoni ta' sorveljanza fil-kuntest Ewropew tista' tiġi aċċessata fit-taqsima ta' sorveljanza fuq is-sit elettroniku tal-BĊE. Din it-taqsima tagħmel referenza wkoll għall-Qafas tal-Politika tas-Sorveljanza tal-Eurosistema li huwa applikat mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (NCBs) kollha fi ħdan l-Eurosistema.

Twettiq ta' Sorveljanza

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu ta' sorveljanza, il-Bank isegwi proċess fi tliet stadji:

  • jiġbor informazzjoni rilevanti mill-entità sorveljata;
  • jevalwa l-informazzjoni skont l-għanijiet ta' sorveljanza u l-istandards internazzjonali;
  • jinkoraġġixxi tibdil u titjib fejn meħtieġ.

Hu importanti li s-sorveljaturi jidħlu f'diskussjonijiet sinifikanti mal-entitajiet sorveljati fuq bażi kontinwa prinċipalment biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi li qed jiġu offruti u eventwalment jitjieb il-pajsaġġ tal-pagamenti.