Il-Professur Lauren Ellul
Il-Prim Ministru ħatar lill-Professur Lauren Ellul B.Accty. (Hons), M.B.A. (Exec.) (Edin. & E.N.P.C.), F.I.A., C.P.A., Ph.D. (Birm.) biex isservi bħala Direttur tal-Bank Ċentrali skont l-Att (Kap. 204) għal perjodu ta' ħames snin b'effett mit-2 ta' Frar 2022.
Il-Professur Ellul għandha grad ta' Baċellerat bl-Unuri fil-Kontabilità mill-Università ta' Malta, Masters Eżekuttiv fl-Amministrazzjoni tan-Negozju, akkreditata mill-Università ta' Edinburgh flimkien mal-École Nationale des Ponts (ENPC) School of International Management Paris u mill-KPMG kif ukoll Dottorat fil-Filosofija mill-Università ta' Birmingham.
Il-Professur Ellul hija Kontabilista Pubblika Ċċertifikata u għandha Ċertifikat għall-Prattika fil-Verifika. Hi wkoll Membru Fellow tal‑Istitut Malti tal‑Kontabilisti.
Il-Professur Ellul hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Kontabilità fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġment u l-Kontabilità fl-Università ta' Malta. Tagħti lekċers f'korsijiet tal-ewwel grad, kif ukoll ta' wara l-lawrja fl-oqsma tal-kontabilità u l-finanzi tas-settur pubbliku, il-kontabilità tal-maniġment u materji ta' riċerka. Il-Professur Ellul hija membru tal-Bord tal-Kontabilità u tifforma parti mis-Sottokumitati ta' Sorveljanza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità u l-Edukazzjoni. Hi wkoll Direttriċi fuq il-bordijiet tal-Malta Investment Management Co. Ltd. u tal-Malta Government Investments. Il-Professur Ellul tippresjedi wkoll il-Kumitat tal-Verifika tar-Reġistru Kummerċjali ta' Malta.
Serviet bħala membru tal‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta mill‑2015 sal‑2020 u kienet il-President tal‑Kumitat tal‑Verifika tal‑Awtorità mill‑2018 sal‑2020. Serviet ukoll bħala membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet.
Il-Professur Ellul ħadmet fi ħdan il-funzjoni Konsultattiva ta' kumpanija tal-kontabilità li hija waħda mill-Big-4 għal għadd ta' snin u ħaddnet il-kariga ta' Senior Manager fi ħdan it-tim tal-Corporate Finance. Mexxiet konsulenzi li jipprovdu assistenza lill-klijenti, inklużi ħafna mill-entitajiet elenkati fil-Borża lokali, fir-rigward tal-valutazzjonijiet tan-negozji u l-investimenti fl-ishma, il-ġbir ta' finanzjament tad-dejn u l-ekwità, il-konsulenza dwar il-kontabilità, l-ippjanar tan-negozju, ir-reviżjonijiet finanzjarji, il-valutazzjonijiet għal skopijiet ta' rapportar finanzjarju u reviżjonijiet ta' pagament ta' djun.
|

Fotografu: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta
|