Publications

Kotba

The Central Bank of Malta's First Fifty Years: A Solid Foundation for the Future

The Central Bank of Malta's First Fifty Years: A Solid Foundation for the Future

Dan il‑ktieb ifakkar il‑ħamsin anniversarju mit‑twaqqif tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑ktieb jagħmel tentattiv sabiex jiżviluppa perspettiva fuq żmien itwal tal‑bidliet fundamentali li ttrasformaw ix‑xenarju ekonomiku u finanzjarju ta' Malta matul dan il‑perjodu, flimkien mal‑irwol li qed jinbidel tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑pubblikazzjoni hi maqsuma f'żewġ partijiet.

L‑ewwel parti tagħti ħarsa ġenerali lejn l‑ekonomija Maltija u s‑sistema finanzjarja, u tiddeskrivi x‑xejriet u l‑bidliet strutturali matul il‑ħames deċennji wara l‑1968. L‑istampa li toħroġ minn din l‑analiżi hija ta' nazzjon li bbenefika minn rata straordinarja ta' tkabbir ekonomiku u tnaqqis sinifikanti fil‑volatilità minkejja r‑riżorsi limitati tiegħu. L‑istruttura tal‑ekonomija Maltija ttrasformat minn ekonomija ta' fortizza għal sett ta' industriji ddiversifikati ħafna u pjuttost indipendenti, immirati l‑aktar lejn id‑domanda barranija. Wara l‑ewwel stadju ta' trasformazzjoni ekonomika, il‑preparamenti għas‑sħubija fl‑UE aġixxew bħala l‑katalista għal aktar riformi, li ġabu perjodu ta' aġġustament strutturali li inkluda deregolamentazzjoni tal‑prezzijiet, privatizzazzjoni, kif ukoll liberalizzazzjoni finanzjarja u tal‑kummerċ. Sa mid‑dħul fl‑UE, il‑pajjiż iddiversifika aktar l‑istruttura ekonomika tiegħu, kemm lejn setturi ġodda u kif ukoll fi speċjalizzazzjonijiet speċifiċi fi ħdan dawk stabbiliti, sabiex b'hekk iżid il‑flessibbiltà u r‑reżiljenza tiegħu għal xokkijiet speċifiċi għall‑industrija.

It‑tieni parti tal‑pubblikazzjoni tagħti ħarsa lejn il-ħidma tal‑Bank sa mit‑twaqqif tiegħu. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta kellu rwol ewlieni f'diversi avvenimenti importanti, inklużi l‑liberalizzazzjoni tas‑settur tas‑servizzi finanzjarji fis‑snin disgħin, il‑preparamenti ta' Malta għas‑sħubija fl‑UE fl‑2004 u d‑dħul tal‑euro fl‑2008. L‑istorja tal-ħidma tal-Bank tista' tinqasam fi tliet perjodi ewlenin li jirriflettu l‑evoluzzjoni tal‑Bank minn organizzazzjoni li twettaq funzjonijiet ta' bank ċentrali fil‑kuntest ta' reġim b'rata ta' kambju fissa li kellha Malta, għal istituzzjoni li ssir parti integrali mill‑Eurosistema. L‑ewwel perjodu jkopri l‑perjodu mill‑1968 sal‑bidu tas‑snin disgħin. Matul dan il‑perjodu inizjali, il‑Bank kien iffukat l‑aktar fuq l‑implimentazzjoni ta' politika tar‑rata tal‑kambju, il‑maniġġ tar‑riżervi tal‑pajjiż, is‑sorveljanza tas‑settur bankarju, il‑ħruġ tal‑munita u l‑għoti ta' servizzi bankarji lill‑Gvern, lis‑settur pubbliku u lill‑banek. It‑tieni perjodu - bejn l‑1994 sad‑dħul tal‑euro fl‑2008 - kien ikkaratterizzat mil‑liberalizzazzjoni tas‑settur finanzjarju, it‑tneħħija tal‑kontrolli tal‑kambju, l‑istandardizzazzjoni ta' regolamenti bankarji u l‑irwol indipendenti għall‑Bank Ċentrali. It‑tielet perjodu jinkludi s‑snin ta' wara d‑dħul tal‑euro fl‑1 ta' Jannar 2008, meta l‑Bank Ċentrali ta' Malta sar membru tal‑Eurosistema u sar integrat bis‑sħiħ fil‑korpi responsabbli għat‑teħid tad‑deċiżjonijiet tal‑BĊE.

Speċifikazzjonijiet

  • 179 paġna
  • 220 x 260 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN: 978-99957-875-8-5 (stampat)
  • ISBN: 978-99957-875-9-2 (online)

Stampat mill-Gutenberg Press, Malta
Sena tal-Pubblikazzjoni: 2018

The Road to Women's Suffrage and Beyond

The Road to Women's Suffrage and Beyond

Dan l-istudju ifakkar avveniment importanti fl-istorja Maltija, is-70 anniversarju mill-kisba tad-dritt tal-vot min-nisa u l-parteċipazzjoni f'karigi pubbliċi.

It-triq għall-MacMichael Constitution tal-1947, liema kostituzzjoni introduċiet il-vot lin-nisa Maltin, bdiet fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Din ir-riċerka tidħol fil-fond tal-qafas politiku soċjostoriku li wassal għalll-emanċipazzjoni tan-nisa f'Malta. 

It-twaqqif tal-Women of Malta Association fl-1944 u t-talba għal rappreżentazzjoni fl-Assemblea Nazzjonali taw lok għal diversi dibattiti sħan li eventwalment wasslu għall-aċċettazzjoni formali tal-Assoċjazzjoni fl-Assemblea Nazzjonali fl-1945. Sentejn wara, matul l-elezzjonijiet ta' Ottubru 1947, in-nisa u l-irġiel li kellhom iktar minn 21 sena eżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw; liema elezzjoni rat parteċipazzjoni qawwija tan-nisa.

Dan il-kontribut akkademiku jixħet dawl fuq il-ġlieda tal-emanċipazzjoni tal-nisa Maltin fis-seklu 20 u jimxi pass pass mal-vjaġġ mmli ġrajjiet importanti li jenfasizza s-sinifikat tal-avveniment storiku. 

Speċifikazzjonijiet

  • 74 paġna
  • 148 x 210 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN: 978-99957-875-6-1 (stampat)
  • ISBN: 978-99957-875-7-8 (online)

Stampat mill-Gutenberg Press, Malta
Sena tal-Pubblikazzjoni: 2017

Challenges and Opportunities of Sustainable Economic Growth: The Case of Malta

Challenges and Opportunities of Sustainable Economic Growth: The Case of Malta

Dan il-ktieb jgħaqqad flimkien ħames artikli ta’ riċerka li l-għan tagħhom hu li jivvalutaw is-sostenibbiltà tal-mudell tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta. Il-pubblikazzjoni tibda b’analiżi tal-prospetti tat-tkabbir fuq żmien medju ta’ Malta, li tissuġġerixxi li parti sinifikanti miż-żieda qawwija riċenti fit-tkabbir ekonomiku kienet ta’ natura permanenti hekk kif irriflettiet żieda fil-potenzjal ekonomiku tal-pajjiż. Wara din l-analiżi nsibu żewġ artikli li jagħtu ħarsa lejn it-twin deficits storiċi li saru twin surpluses fuq il-kontijiet esterni u l-finanzi pubbliċi. Il-kawżi ta’ dan it-tibdil jidhru li huma ta’ natura strutturali u huma mistennija li jkomplu fil-futur. Fl-aħħar, il-pubblikazzjoni tagħti ħarsa lejn l-iżviluppi makrofinanzjarji, bl-ebda evidenza ma tinstab li turi li t-tkabbir irrifletta kreditu li qed jiżdied jew irriżulta fi prezzijiet tal-assi li ddevjaw mill-prinċipji fundamentali. B’ħarsa ’l quddiem, l-awturi jargumentaw li Malta għandha bżonn tiffoka fuq aktar titjib fit-tkabbir fil-produttività, hekk kif il-provvista tal-ħaddiema issa qed tiffaċċja restrizzjonijiet ċari u urġenti.  

Speċifikazzjonijiet

  • 90 paġna
  • 210 x 297 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN: 978-99957-875-4-7 (stampat)
  • ISBN: 978-99957-875-5-4 (online)

Stampat mill-Gutenberg Press, Malta
Sena tal-Pubblikazzjoni: 2017

Understanding the Maltese Economy

Understanding the Maltese Economy

Dan il‑ktieb jiġbor flimkien għaxar artikli ta' riċerka li janalizzaw ir‑relazzjonijiet makroekonomiċi f'Malta, filwaqt li jippruvaw jispjegaw il‑fatturi ewlenin li wasslu għal tkabbir qawwi fl‑ekonomija Maltija matul l‑ewwel għaxar snin wara d‑dħul ta' Malta fl‑Unjoni Ewropea. L‑ewwel taqsima tal‑ktieb tagħti ħarsa ġenerali lejn l‑ekonomija Maltija u taċċenna x‑xejriet u l‑bidliet strutturali li kkontribwew għal aktar flessibbiltà u reżiljenza ekonomika. It‑tieni taqsima tħares lejn ir‑relazzjoni bejn il‑produzzjoni, il‑prezzijiet u l‑impjiegi, u tipprovdi stimi għall‑produzzjoni potenzjali, Okun's law u r-relazzjoni Phillips f'Malta. Id‑dinamika tal‑inflazzjoni hija analizzata f'aktar dettall fit‑tielet taqsima, b'artikli li jiffokaw fuq ix‑xejriet u l‑fatturi determinanti tal‑inflazzjoni u l‑istimi tal‑inflazzjoni prinċipali. L‑irwol tas‑sistema finanzjarja huwa analizzat fir‑raba' taqsima, partikolarment id‑domanda għall‑flus u l‑mekkaniżmu ta' trażmissjoni. L‑istimi tal‑multipliers fiskali għall‑ekonomija Maltija huma diskussi fl‑aħħar taqsima. 

Speċifikazzjonijiet

  • 122 paġna
  • 210 x 297 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN: 978-99957-875-2-3 (stampat)
  • ISBN: 978-99957-875-2-3 (online)

Stampat mill‑Gutenberg Press, Malta
Sena tal‑Pubblikazzjoni: 2016 

The Evolution of the Maltese Economy since Independence

The Evolution of the Maltese Economy since Independence

Dan l‑istudju janalizza l‑andament tal‑ekonomija Maltija fl‑ewwel nofs seklu wara l‑indipendenza. L‑istudju jagħti stampa ta' nazzjon li bbenefika minn rata straordinarja ta' tkabbir ekonomiku u tnaqqis sinifikanti fil‑volatilità. L‑ekonomija Maltija immaturat malajr ħafna, biċ‑ċikli tal‑inflazzjoni u tal‑qgħad isiru ħafna inqas evidenti u b'xejra konsistenti 'l isfel. L‑istruttura ekonomika xaqilbet b'mod qawwi lejn is‑servizzi, u dan wassal għal żieda fid‑domanda għax‑xogħol li akkomodat iż‑żieda fil‑parteċipazzjoni tan‑nisa. L‑irwol tal‑istat inbidel drammatikament, għalkemm bħal f'ekonomiji oħrajn żgħar u miftuħa, l-istat jibqa' jkollu funzjoni ekonomika relattivament aktar attiva. Is‑sistema finanzjarja wkoll inbidlet drastikament, bi rwol aktar dirett li jaffettwa l‑attività ekonomika. Filwaqt li l‑ekonomija Maltija tiffaċċja sfidi sinifikanti, is-saħħa li żviluppat sa mill‑indipendenza ser iżżommha f'pożizzjoni tajba.

 Speċifikazzjonijiet

  • 39 paġna
  • 210 x 297 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN: 978‑99957‑875-0-9 (stampat)
  • ISBN: 978-99957-875-1-6 (online)

Stampat mill‑Gutenberg Press, Malta
Sena tal‑Pubblikazzjoni: 2015 

The Central Bank of Malta

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta

Dan il‑ktejjeb ta' 16‑il paġna jagħti ħarsa lejn il‑ħidma bażika u l‑karatteristiċi ewlenin tal‑Bank Ċentrali ta' Malta; it‑test hu kemm bil‑Malti kif ukoll bl‑Ingliż. Il‑qarrejja li għalihom hu maħsub huma l‑istudenti mil‑livell sekondarju 'l fuq u l‑pubbliku ġenerali.

Kull min hu interessat, jista' jiġbor kopja b'xejn mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Speċifikazzjonijiet

  • Illustrat bil‑kulur
  • 16‑il paġna
  • 210 x 250 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN: 978‑99932‑0‑905‑8 (stampat)
  • ISBN: 978‑99932‑0‑906‑5 (online)

Stampat mill‑Gutenberg Press, Malta
Sena tal‑Pubblikazzjoni: 2010 

The Central Bank of Malta – The Building and its History

The Central Bank of Malta - The Building and its History
ta' Kevin Cassar

Dan il‑ktejjeb, ippubblikat fl‑40 anniversarju tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, jiddeskrivi l‑istorja tal‑bini li bħalissa hu okkupat mill‑Bank, u l‑anteċedenti storiċi tiegħu. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jinsab fil‑quċċata tal‑għolja okkupata mis‑Sur ta' San Ġakbu. Dan is‑sur kien wieħed mill‑ewwel swar difensivi li nbnew meta l‑Kavallieri ta' San Ġwann bdew jibnu belt fortifikata ġdida, il‑Belt Valletta, fl‑1566, ftit xhur biss wara t‑tmiem tal‑Assedju l‑Kbir tal‑1565. Għal kważi tliet mitt sena, is‑Sur ta' San Ġakbu u l‑Kavallier tal‑istess isem kienu l‑ilqugħ tad‑difiża tal‑Belt Valletta min‑naħa tal‑art. Fl‑1872 l‑Awtoritajiet Militari Britanniċi għażlu l‑wesgħa kbira tas‑Sur ta' San Ġakbu biex jibnu ġinnasju għall‑użu tal‑gwarniġjon tal‑Belt Valletta u tal‑Furjana. Matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija l‑Ġinnasju nbidel f'istitut tas‑suldati u l‑baħrin għall‑benefiċċju tal‑eluf ta' ħaddiema tas‑servizzi Britanniċi u tal‑Commonwealth li kienu qed jirkupraw fl‑isptarijiet Maltin. Legat li ħalla t‑tmien Baruni Vernon, li miet f'Malta matul il‑Gwerra l‑Kbira, irriżulta fil‑bini tal‑Vernon United Services Club fuq is‑sit ta' dak li qabel kien il‑Ġinnasju. Din l‑istituzzjoni ġiet inawgurata mill‑Gvernatur ta' Malta, Sir Walter N. Congreve, fl‑1924. Il‑Vernon Club żamm il‑funzjoni tiegħu bħala klabb soċjali tas‑servizzi sal‑1967, meta l‑bini ġie trasferit lill‑Gvern Malti biex jospita l‑Bank Ċentrali ta' Malta, li kien twaqqaf b'Att tal‑Parlament f'dik is‑sena stess.

Speċifikazzjonijiet tal‑Ktieb 

  • Illustrat bil‑kulur
  • 48 paġna
  • 165 x 230 mm
  • Qoxra ratba
  • ISBN ‑13: 978‑99909‑975‑5‑1

Stampat mill‑Gutenberg Press, Malta
Sena tal‑Pubblikazzjoni: 2008 

Currency in Malta

Currency in Malta
ta' Joseph C Sammut

Joseph C. Sammut iddeċieda li l‑kompitu ta' ħajtu jkun l‑istudju tar‑ramifikazzjonijiet tal‑muniti użati fil‑Gżejjer Maltin tul is‑snin. Il‑ktieb jibda bil‑Kartaġiniżi u jgħaddi biex jiddiskuti l‑muniti tar‑Rumani, il‑Biżantini (b'referenza għall‑Vandali), l‑Għarab, in‑Normanni, l‑Iżvevi, l‑Anġovini u l‑Aragoniżi. Il‑kitba ssir dettaljata ħafna mill‑punt tal‑wasla tal‑Ordni ta' San Ġwann, imbagħad il‑ktieb jittratta l‑perjodu Franċiż u dak Ingliż, u jispiċċa bil‑muniti u l‑karti tal‑flus moderni ta' Malta. Jeżamina wkoll id‑diversi muniti barranin użati simultanjament f'Malta, b'għexieren ta' illustrazzjonijiet. Il‑ktieb għandu dokumentazzjoni akkademika estensiva u jista' jservi wkoll bħala gwida eċċellenti għal aktar riċerka. Il‑ktieb hu mfassal biex jissodisfa l‑ħtiġijiet kemm tal‑qarrejja esperti tan‑numismatika kif ukoll tal‑qarrejja ġenerali, billi jippreżenta r‑rekord dokumentat tal‑muniti u l‑karti tal‑flus f'Malta abbażi tal‑fatti storiċi aġġornati u ppubblikati f'dawn l‑aħħar snin; il‑ktieb hu ppreżentat f'format ċar u li jinqara faċilment.

Speċifikazzjonijiet tal‑Ktieb

  • Illustrat, bil‑kuluri kollha
  • 376 paġna
  • 250 x 210 mm
  • Qoxra iebsa
  • ISBN: 99909‑975‑3‑5

Stampat minn Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd, San Ġwann, Malta
Data tal‑Pubblikazzjoni: 2001 

Mdina – The Cathedral City of Malta

Mdina – The Cathedral City of Malta
ta' Mario Buhagiar u Stanley Fiorini

L‑Imdina, belt mill‑isbaħ mibnija madwar Katidral, li splendidament tinsab fuq wita għolja li tiddomina l‑gżira ta' Malta, qanqlet l‑interess kemm ta' viżitaturi intellettwali kif ukoll ta' viżitaturi każwali sa mis‑seklu sittax. Saru ħafna studji monografiċi ta' din il‑belt antika, iżda dan il‑ktieb, miktub b'mod awtorevoli minn żewġ esperti magħrufa tal‑istorja, hu differenti.

Il‑mużajk li dawn iż‑żewġ volumi jirnexxilhom jevokaw hu kemm komprensiv kif ukoll sorprendentement iddettaljat, waqt li d‑diversi aspetti tal‑belt u l‑atmosfera tagħha li dejjem tinbidel huma rrappreżentati b'mod memorabbli fil‑fotografija impressjonanti tal‑ktieb, xogħol tal‑mibki Marquis Cassar de Sain. Miktub b'mod ċar u bbażat fil‑biċċa l‑kbira fuq sorsi primarji, il‑ktieb huwa vade‑mecum mill‑isbaħ, mhux biss għall‑ispeċjalisti tal‑istorja, l‑arti u l‑arkitettura, iżda wkoll għall‑qarrejja ġenerali li għandhom interess fl‑istorja u l‑patrimonju Malti u tal‑Ewropa tan‑Nofsinhar.

Id‑disa' kapitli monografiċi huma miġbura f'żewġ volumi kumplimentari. L‑ewwel ħames kapitli tal‑Ewwel Volum jiffokaw fuq l‑aspetti arkeoloġiċi u medjevali ta' din il‑belt, u fihom diskussjoni ddettaljata dwar il‑Katidral u l‑ordnijiet reliġjużi kontemplattivi u mendikanti. It‑Tieni Volum ikompli bl‑istorja saż‑żminijiet kontemporanji fejn il‑Kavallieri ta' San Ġwann u l‑perijodu meraviljożament tagħhom tal‑barokk għandhom rwol ċentrali. Kapitli oħra jittrattaw il‑knejjes ta' daqs iżgħar, il‑fortifikazzjonijiet u l‑perjodu Franċiż u dak Britanniku.

Id‑diskussjonijiet u l‑analiżijiet dettaljati tad‑diversi temi jiżvelaw il‑kumplessità u r‑rikkezza tal‑belt kapitali antika ta' Malta, imżejna bit‑titlu rjali ta' "Notabile" b'digriet tar‑Re Alfonso l il‑Ġeneruż fl‑1428. L‑istorja tal‑Imdina hi mikrokożmu tal‑istorja mżewqa tal‑Gżejjer Maltin u tal‑wirt kulturali varjegat tagħhom.

Speċifikazzjonijiet tal‑Ktieb 

  • Illustrat, bil‑kuluri kollha
  • 1‑351 paġna: Volum I
  • 352‑777 paġna: Volum II
  • 300 x 215 mm
  • Qoxra iebsa
  • ISBN: 99909‑975‑0‑0 (Pubblikazzjoni f'żewġ volumi)
  • ISBN: 99909‑975‑1‑9 (Volum I)
  • ISBN: 99909‑975‑1‑7 (Volum II)

Stampat minn Gutenberg Ltd, Tarxien, Malta
Data tal‑Pubblikazzjoni: 1996 

Birgu – a Maltese Maritime City

Birgu – a Maltese Maritime City
editjat minn Mario Buhagiar, Lino Bugeja u Stanley Fiorini

Dan il‑ktieb jiffoka l‑attenzjoni fuq il‑belt port tal‑Birgu li, fil‑kenn imdelli tal‑ħitan kburija li ħadd ma jista' għalihom tal‑Forti Sant'Anġlu, u ċċirkondata minn waħda mill‑isbaħ linji ta' fortifikazzjonijiet tal‑aħħar snin tar‑Rinaxximent u tal‑Barokk fl‑Ewropa, kienet f'diversi okkażjonijiet il‑protagonista fl‑istorja mqallba ta' dawn il‑gżejjer. Il‑Birgu, bħal Venezja jew Ġenova, jew tabilħaqq kwalunkwe port attiv ieħor tal‑Mediterran, rat mumenti ta' kobor brillanti jalternaw ma' perjodi ta' dekadenza u faqar soċjali.

Il‑palazzi u l‑knejjes sbieħ li darba kienu l‑kburija tagħha, sfigurati biż‑żmien u l‑insensittività tal‑bniedem jinsabu bieb ma' bieb ma' griebeġ degradanti, u t‑toroq dojoq u mserrpa tagħha kienu xhud, kemm ta' wirjiet spettakolari frivoli kif ukoll ta' traġedji koroh ta' mard u ta' gwerra li, fiż‑żewġ okkażjonijiet importanti tal‑Assedju l‑Kbir tal‑1565 u l‑bumbardamenti tat‑Tieni Gwerra Dinjija, wasslu biex mill‑bini baqa' biss munzelli sfigurati ta' terrapien.

Studju sħiħ ta' dan iċ‑ċentru tal‑kummerċ affaxxinanti tal‑istorja hu ħaġa impossibbli għal kittieb wieħed waħdu. Proġett ta' dan il‑kobor jeħtieġ l‑ispeċjalizzazzjoni ta' tim varjat ta' esperti. Wieħed mill‑merti tal‑ktieb hu li laqqa' flimkien ġabra ta' kompetenza bħal din. Fl‑għażla u l‑akkwist tal‑istudji li jiffurmaw iż‑żewġ volumi, kienet ix‑xewqa tal‑edituri li jipprovdu lill‑istudjużi u lill‑qarrejja ġenerali stampa koerenti u sħiħa kemm jista' jkun, fil‑limiti tal‑istat preżenti tal‑għarfien.

Volum I
Kontributuri: Anthony Bonanno, Godfrey Wettinger, Victor Mallia Milanes, Balbi di Corregio, Dominic Fenech, Lino Bugeja, Stanley Fiorini, Joseph Muscat, Paul Cassar, Joseph Cassar Pullicino

Volum II
Kontributuri: Leonard Mahoney, Mario Buhagiar, Denis De Lucca, Robert Ghirlando, Albert Ganado, Joseph F. Porsella Flores, Michael Fsadni, George Aquilina, Alexander Bonnici, Peter Serracino Inglott

Speċifikazzjonijiet tal‑Ktieb

  • Illustrat, bil‑kuluri kollha
  • 1‑388 paġna: Volum I
  • 389‑872 paġna: Volum II
  • 300 x 215 mm
  • Qoxra iebsa
  • ISBN: 99909‑44‑8‑0 (Pubblikazzjoni f'żewġ volumi)
  • ISBN: 99909‑44‑6‑9 (Volum I)
  • ISBN: 99909‑44‑4‑7 (Volum II)

Stampat minn Gutenberg Ltd, Tarxien, Malta
Data tal‑Pubblikazzjoni: 1993 

From Scudo to Sterling

From Scudo to Sterling 
ta' Joseph C. Sammut

Dan il‑ktieb hu rakkont skrupolożament dettaljat u dokumentat tal‑ġrajjiet li wasslu għall‑bidla kompluta u finali ta' Malta mill‑munita Maltija għal dik Britannika fis‑seklu dsatax. Waqt li b'ħila kbira jagħti rendikont ta' kif żviluppat is‑sistema monetarja ta' Malta, il‑Kavallier Joseph Sammut, numiżmatiku ewlieni, jidħol f'qasam ġdid billi jixħet dawl fuq perjodu li s'issa kien ġeneralment injorat. Il‑familjarità profonda tiegħu mas‑sorsi rilevanti u s‑sensibilità fina tiegħu fir‑rigward tas‑suġġett jidhru ċari ħafna f'dan ix‑xogħol li hu bbażat fuq riċerka serja. From Scudo to Sterling jagħti sintesi organika ta' dak li nkiteb dwar is‑suġġett, u jitfa' dawl ġdid fuq materjal mhux ippubblikat li jinsab f'arkivji pubbliċi u privati​​, lokali u barranin.

Waqt li jirrakkonta din l‑istorja, b'ħila kbira l‑awtur idaħħal ħafna episodji sekondarji ta' interess għall‑esperti tal‑istorja soċjali. Ir‑rwol tal‑Knisja u l‑ħtieġa tal‑intervent tagħha biex tilħaq lin‑nies fi żmien ta' kriżi, l‑isfruttament tal‑avvenimenti b'modi differenti mid‑diversi fazzjonijiet politiċi, l‑interessi kontrastanti tal‑komunità merkantili u taċ‑ċittadin komuni, kollha jingħataw attenzjoni partikolari.

Il‑personaġġi ewlenin li l‑aktar influwenzaw il‑kwistjonijiet finanzjarji ta' żmienhom jiġu introdotti hekk kif jiżviluppaw l‑avvenimenti. Negozjanti ewlenin bħal Samuel Christian u Sir Agostino Portelli, bankiera bħal Biagio Tagliaferro u l‑Konti Giovanni Messina, il‑filantropista u negozjant Giovanni Di Niccolò Pappaffy, u l‑ġurist li esprima l‑opinjoni tiegħu dwar kull kwistjoni importanti ta' żmienu, Sir Adriano Dingli, kollha jidhru bħala parti minn mużajk ikkumplikat li jqajjem kurżità u interess. Il‑qarrej isir xhud tat‑twelid tal‑istituzzjonijiet finanzjarji infrastrutturali, bħal pereżempju l‑Anglo‑Maltese Bank (1809), il‑Banco di Malta (1812), il‑Government Savings Bank (1833), iċ‑Chamber of Commerce (1848), u La Borsa (1854‑57).

From Scudo to Sterling hu kontribut siewi biex nifhmu l‑istorja soċjo‑ekonomika ta' Malta.

Speċifikazzjonijiet tal‑Ktieb

  • Illustrat, bil‑kuluri kollha
  • 200 paġna
  • 215 x 300 mm
  • Qoxra iebsa
  • ISBN: 1871684951

Stampat minn Printwell Ltd, Fgura, Malta
Data tal‑Pubblikazzjoni: 1992