Strumenti
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għandu firxa ta' strumenti makroprudenzjali għad‑dispożizzjoni tiegħu sabiex jindirizza r‑riskju sistemiku fis‑settur bankarju. L‑istrumenti makroprudenzjali huma strumenti li jistgħu jintużaw biex jitrażżan ir‑riskju sistemiku. Il‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (JFSB) jiddiskuti strumenti li jista' jkun meħtieġ li jiġu adotatti fuq livell nazzjonali. Waqt tali diskussjonijiet, il‑Bord iqis ukoll il‑gwida pprovduta mill‑ESRB u mill‑BĊE. L‑istrumenti makroprudenzjali ġeneralment jinkludu miżuri tal‑politika maħsuba:
(a) għall‑prevenzjoni ta' ċikliċità fis‑sistema finanzjarja, kemm fuq in‑naħa tal‑attiv kif ukoll tal‑passiv tal‑karti tal‑bilanċ tal‑istituzzjonijiet finanzjarji;
(b) biex isaħħu l‑kapaċità ta' reżistenza tas‑sistema finanzjarja, inkluża dik marbuta mal‑indiċi tal‑lieva finanzjarja, il‑likwidità, l‑iskoperturi tas‑sistema intrafinanzjarja u d‑diskrepanzi fil‑maturità;
(c) biex jittaffew il‑vulnerabbiltajiet strutturali tas‑sistema u jiġi limitat it‑tixrid ta' effetti negattivi fi żminijiet ta' stress.
Is‑CRR/CRD IV jipprovdi l‑bażi legali għas‑setgħa tal‑Bank Ċentrali ta' Malta li joħroġ strumenti makroprudenzjali li hi riflessa wkoll fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixi l‑mandat tal‑Bank Ċentrali ta' Malta rigward l‑istabbiltà finanzjarja, u s‑setgħa tiegħu li joħroġ, jemenda u jirrevoka direttivi sabiex jimplimenta politika u strumenti makroprudenzjali.