Financial Stability

Bafer dwar ir-Riskju Sistemiku Settorjali

Il-Bafer dwar ir-Riskju Sistemiku ("SyRB") hu għodda makroprudenzjali li toħroġ mill-qafas CRR/CRD. Din, min-naħa tagħha, ġiet trasposta wkoll  fid-Direttiva Nru 11 dwar il-Politika Makroprudenzjali  tal-Bank Ċentrali ta' Malta. L-SyRB jista' jintuża sabiex jindirizza kemm riskji li fin-natura tagħhom huma ċikliċi kif ukoll dawk mhux ċikliċi u li mhumiex indirizzati minn għodod makroprudenzjali oħra inkluż il-Bafer Kontroċikliku tal-Kapital (CCyB) u Bafer ta' Istituzzjoni Oħra Sistemikament Importanti (O-SII). L-SyRB jista' jiġi applikat ukoll għal subsett ta' skoperturi u/jew istituzzjonijiet. Dawn il-karatteristiċi jsaħħu l-flessibbiltà tal-SyRB fl-indirizzar ta' riskji sistemiċi speċifiċi u jtaffu l-potenzjal tagħhom li jkollhom konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u l-ekonomija reali fi Stat Membru speċifiku.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, f'kollaborazzjoni mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u taħt l-awspiċju tal‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja (JFSB), iddeċieda li jistabbilixxi Bafer dwar ir-Riskju Sistemiku Settorjali (sSyRB) ta' 1.5%. Dan il-bafer ser jiġi applikat fuq l‑ammont ta' assi stmati abbażi tar-riskju miżmum kontra self lokali ggarantiti minn proprjetà immobbli. L-sSyRB jindirizza r-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni dejjem tiżdied tal-iskoperturi tas-settur bankarju Malti għas-self marbut mas-suq tal-proprjetà immobbli, li qed jiġi aggravat minn żviluppi ċikliċi espansjonarji. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRB) ġew infurmati wkoll bil-miżura.

Dettalji addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-bafer, b'mod partikolari l-għan tal-bafer, l-ambitu u d-data tal-applikazzjoni tiegħu jinsabu  fit-2026 Statement of Decision.