Financial Stability

Reċiproċità

F'sistema finanzjarja integrata bħas‑Suq Uniku tal‑UE hi meħtieġa koordinazzjoni qawwija tal‑politika biex tiġi żgurata l‑effiċjenza tal‑politika makroprudenzjali nazzjonali. Il‑miżuri nazzjonali huma ġġustifikati minħabba d‑diverġenza tar‑riskji ċikliċi u strutturali fl‑Istati Membri. Madankollu, il‑miżuri jista' jkollhom effetti ta' riperkussjonijiet fuq pajjiżi oħra (riperkussjonijiet esterni) u kultant jista' jkun hemm evażjoni min‑naħa ta' fergħat barranin u f'każi ta' self transkonfinali (riperkussjonijiet interni). Dan in‑nuqqas ta' reċiproċità jista' jwassal għal lakuni (leakages) minħabba l‑fatt li l‑miżuri nazzjonali ma jkunux applikabbli għal istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi transkonfinali direttament jew permezz tal‑fergħat tagħhom.

Miżura ekwivalenti maħsuba apposta għall‑istess skopertura barranija ta' istituzzjonijiet awtorizzati lokalment għandha tiġi addottata legalment biex jiġu minimizzati lakuni regolatorji u effetti transkonfinali ta' miżuri tal‑politika makroprudenzjali ta' pajjiż ieħor.

Il‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB) għandu rwol importanti ta' koordinazzjoni għall‑valutazzjoni ta' miżuri, diskussjoni ta' effetti transkonfinali u rakkomandazzjonijiet dwar miżuri riduttivi, inkluża r‑reċiproċità. Ir‑reċiproċità hi l‑mod li permezz tiegħu jistgħu jiġu żgurati l‑effiċjenza u l‑konsistenza tal‑politika makroprudenzjali lil hinn mill‑fruntieri fi ħdan l‑UE.

Bħalissa, talbiet għal reċiproċità minn Stati Membri tal-UE u Stati terzi rilevanti jintbagħtu lill‑ESRB. Wara li jirċievi t‑talbiet, l‑ESRB jagħmel valutazzjoni ta' dawn it‑talbiet u sussegwentement joħroġ rakkomandazzjonijiet lill‑awtoritajiet rilevanti dwar ir‑reċiproċità għal ċerti miżuri. F'dan l‑istadju, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il‑Bank') jista' jikkonforma u jirreċiproka l‑miżura wara valutazzjoni interna. Jekk il‑Bank jiddeċiedi li ma jikkonformax, hu obbligat jispjega lill‑ESRB ir‑raġunijiet għan‑nuqqas ta' konformità.

Dokumenti Rilevanti

Lista ta' miżuri reċiprokati mill‑Bank wara rakkomandazzjoni tal‑ESRB skont ESRB/2015/2

Din il‑lista ta' miżuri tirreferi biss għar‑reċiproċità volontarja ta' miżuri meħuda mill‑Bank wara rakkomandazzjoni tal‑ESRB skont ESRB/2015/2 (kif emendata permezz ta' ESRB/2016/3). Miżuri li huma soġġetti għal reċiproċità obbligatorja skont il‑qafas leġiżlattiv CRD IV/CRR, inklużi, iżda mhux biss, l‑Artikoli 124(5) u 164(7) tar‑Regolament (UE) Nru 575/2013 li jimponu rekwiżiti direttament fuq l‑istituzzjonijiet, mhumiex imsemmija f'din il‑lista.

Il-Bank Ċentrali ta' Malta se jirreċiproka d-Deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Eesti Pank Nru 6 tat-30 ta' Mejju 2016 "It-twaqqif tar-rekwiżit għall-bafer dwar ir-riskju sistemiku" skont Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-24 ta' Ġunju 2016 li temenda Rakkomandazzjoni ESRB/2015/2 dwar il-valutazzjoni ta' effetti transkonfinali u reċiproċità volontarja għall-miżuri ta' politika makroprudenzjali (Rakkomandazzjoni ESRB/2016/4):

24 ta' Ottubru 2016 Statement of Decision on the reciprocity of the Systemic Risk Buffer of Estonia

Din li ġejja hi lista tar‑rati tal‑bafer kontroċikliku tal-kapital (CCyB) rikonoxxuti mill‑Bank:

Din il‑lista ta' miżuri tirreferi biss għar‑rikonoxximent diskrezzjonali tar‑rati CCyB min‑naħa tal‑Bank. Din il‑lista ma tinkludix ir‑rati rikonoxxuti skont il‑qafas tar‑rikonoxximent obbligatorju tar‑rati CCyB stabbiliti mill‑awtoritajiet maħtura ta' Stati Membri Ewropej oħra skont il‑qafas leġiżlattiv CRD IV/CRR.

  • Rati ta' aktar minn 2.5 fil‑mija stabbiliti fi Stat Membru ieħor {bħalissa mhux stabbiliti}
  • Rati stabbiliti f'pajjiż terz fejn ir‑rikonoxximent isir wara rakkomandazzjoni skont ESRB/2015/1 {bħalissa mhux stabbiliti}