Financial Stability

Istituzzjonijiet Sistemikament Importanti

Il‑bafer tal‑kapital għal Istituzzjonijiet Sistemikament Importanti Oħra (O‑SII) hu maħsub biex itaffi l‑vulnerabbiltà tas‑sistema finanzjarja domestika u tal‑ekonomija reali fil‑konfront tal‑falliment ta' istituzzjonijiet sistemikament importanti. Il‑bafer O‑SII jikkonsisti minn rekwiżit addizzjonali ta' kapital applikat għal istituzzjonijiet li, f'każ ta' falliment jew indeboliment, jista' jkollhom impatt konsiderevoli fuq is‑sistema finanzjarja u fuq l‑ekonomija reali. Dan il‑bafer addizzjonali tal‑kapital jiġi applikat għal istituzzjonijiet domestikament sinifikanti biex iqawwi r‑reżistenza tagħhom billi jżid il‑kapaċità tagħhom li jassorbu t‑telf u b'hekk jiġi żgurat li dawn joħolqu riskju minimu għall‑ekonomija domestika fil‑forma ta' effetti indiretti. Fallimenti tas‑suq fil‑mira tal‑bafer tal‑kapital O‑SII huma relatati prinċipalment mat‑teħid eċċessiv ta' riskji abbażi ta' aspettattivi ta' salvataġġ finanzjarju bħala riżultat tar‑rilevanza sistemika perċepita ta' istituzzjoni individwali (periklu morali u "kbir wisq biex ifalli").

Il‑bafer tal‑kapital O‑SII hu strument makroprudenzjali integrat legalment fil‑qafas CRDIV/CRR; dan il‑qafas ġie traspost domestikament fid‑Direttiva Nru 11 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta u fir‑Regola Bankarja 15 tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). Il‑Bank u l‑MFSA żviluppaw metodoloġija domestika ta' identifikazzjoni O‑SII u metodoloġija  ta' kalibrazzjoni tal‑kapital skont Dokument tal‑Politika.

L‑MFSA u l‑Bank, taħt l‑awspiċi tal‑Bord Konġunt dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja, u wara konsultazzjoni mal‑Bank Ċentrali Ewropew, identifikaw tliet banek bħala istituzzjonijiet ta' kreditu sistemikament importanti u stipulaw li dawn għandu jkollhom bafers addizzjonali tal‑kapital skont Dikjarazzjoni ta' Deċiżjoni, u kif indikat fit‑tabella hawn taħt:

Credit Institution

Determination as O-SII based on

Step 1 or 2

Buffer rate

Medifin [Mediterranean Bank]

Step 2

0.5%

HSBC Group Malta

Step 1

1.5%

Bank of Valletta Group

Step 1

2.0%