Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (FMIs)
Kif diġà ġie aċċennat, l-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (FMIs) huma importanti fis-settur finanzjarju peress li dawn l-infrastrutturi jipprovdu servizzi li huma kritiċi għall-funzjonament bla xkiel ta' dawn is-swieq. L-FMIs jinkludu diversi tipi ta' infrastrutturi, jiġifieri d-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs), is-Sistemi ta' Saldu ta' Titoli (SSSs), il-Kontropartijiet Ċentrali (CCPs), ir-Repożitorju tal-Kummerċ (TRs) u s-Sistemi ta' Pagament.
Fuq livell nazzjonali, hemm tliet FMIs operattivi li jeħtieġu evalwazzjonijiet ta' sorveljanza, li huma l-Borża ta' Malta (inkluża MaltaClear), il-Malta Clearing House (MCH) u l-MTEUROPAY.
Il-Borża ta' Malta (MSE)
L-MSE, li hija s-CSD nazzjonali, hija suq regolat żviluppat għalkollox li jissodisfa l-irwol tiegħu bħala post effettiv għall-ġbir tal-finanzjament kapitali. Minbarra l-ammissjoni u n-negozjar, l-MSE toffri wkoll firxa komprensiva ta' servizzi tal-back-office inkluża ż-żamma ta' reġistri tal-ishma u tal-bonds, servizzi ta' kustodja kif ukoll ikklirjar u saldu. Dan tal-aħħar jiġi pproċessat permezz ta' MaltaClear li hija l-SSS fi ħdan l-MSE. Bħalissa, l‑MSE hija l‑uniku fornitur tas‑suq f'Malta f'termini ta' CSD u SSS.
Bħala FMI, l-MSE (inkluża MaltaClear) hija soġġetta għal reġim ta' evalwazzjonijiet kontinwi permezz tal-introduzzjoni tar-Regolament dwar id-Depożitarji Ċentrali tat-Titoli (CSDR). L-evalwazzjonijiet għandhom l-għan li jindirizzaw diversi materji inklużi dawk legali, ta' governanza u dawk relatati mal-operat. Id-dettalji fil-proċeduri ta' inadempjenza, il-likwidità, il-garanzija u r-riskji ġenerali tan-negozju u operazzjonali huma evalwati wkoll.
- Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR)
Qabel l-introduzzjoni tas-CSDR, il-Bank evalwa b'mod regolari l-operat tal-MSE mal-Qafas ta' Evalwazzjoni tal-Utenti (UAF) li l-evalwazzjoni tiegħu żgurat is-sikurezza tal-operat tiegħu. Madankollu, l-implimentazzjoni tas-CSDR ipprovdiet l-opportunità li l-UAF jitneħħa gradwalment peress li l-biċċa l-kbira tar-regoli applikabbli direttament tar-rekwiżiti tas-CSDR huma identiċi għal dawk stabbiliti fil-PFMIs, li sa ċertu punt jikkoinċidu mar-rekwiżiti preċedenti tal-utenti tal-Eurosistema.
L-Awtorità Kompetenti Nazzjonali (NCA) maħtura tas-CSDR hija l-MFSA filwaqt li l-Bank hu maħtur bħala l-Awtorità Rilevanti. Għal dan il-għan, l-MSE kienet inizjalment awtorizzata taħt is-CSDR f'Ottubru 2018 u l-evalwazzjonijiet bil-għan li jissalvagwardjaw l-istabbiltà tas-suq finanzjarju attwalment qed jitwettqu fuq bażi annwali. Kemm l-MFSA kif ukoll il-Bank huma f'kooperazzjoni mill-qrib dwar dan permezz ta' laqgħat regolari.
- Rekwiżiti tal-Eurosistema
Rekwiżiti oħra tal-Eurosistema li mhumiex parti mir-rekwiżiti CSDR iżda li ġew inklużi fl-UAF, huma elenkati bħala Annex għad-Dokumentazzjoni Ġenerali. Għal dan il-għan, il-Bank ittraspona r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva Nru 8 tal-Bank bħala Annex 6A. Din l-Annex tistabbilixxi l-"Eligibility criteria for the use of the Security Settlement Systems (SSSs) and links between SSSs in Eurosystem credit operations". F'dan ir-rigward, il-Bank u l-MSE iffirmaw Memorandum ta' Ftehim (MoU) li jagħti mandat lill-MSE biex tkun konformi ma' dawn ir-rekwiżiti tal-Eurosistema.
Sistemi ta' Pagament
L-Eurosistema tiddistingwi fost tipi varji ta' sistemi ta' pagament, li wħud minnhom huma sistematikament aktar importanti minn oħrajn ibbażati fuq id-daqs u n-natura tas-sistema ta' pagament. Għal dan il-għan, issir distinzjoni bejn sistemi ta' pagament sistemikament importanti (SIPS) u sistemi ta' pagament mhux sistemikament importanti (non-SIPS) abbażi tad-differenzi relatati mad-daqs, il-proporzjon fis-suq, l-attività transkonfinali, u l-forniment ta' servizzi ta' saldu lil FMIs oħra.
Kemm jekk imħaddma mill-NCBs tal-Eurosistema jew entitajiet privati, kemm sistemi ta' pagament ta' valur kbir kif ukoll dawk bl-imnut ta' importanza sistemika huma koperti mir-Regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' pagament sistemikament importanti (Regolament SIPS). Dan ir-Regolament jipprovdi kriterji ta' klassifikazzjoni sabiex is-sistemi ta' pagament jiġu kkategorizzati fil-kategoriji rispettivi ta':
- Sistemi ta' pagament sistemikament importanti (SIPS);
- Sistemi ta' pagament importanti b'mod prominenti (PIRPS);
- Sistemi oħra ta' pagament bl-imnut (ORPS).
Il-BĊE jwettaq eżerċizzju annwali sabiex jikklassifika s-sistemi ta' pagament eżistenti u ġodda minħabba li l-klassifikazzjoni maħruġa taffettwa d-dettall tal-evalwazzjonijiet ta' sorveljanza mwettqa fuq is-sistemi ta' pagament.
Għal dawk is-sistemi li mhumiex ikklassifikati bħala SIPS, ir-Revised oversight framework for retail payment systems (RPS) u l-metodoloġija ta' evalwazzjoni sussegwenti huma segwiti sabiex jitwettqu evalwazzjonijiet ta' sorveljanza.
Is-sistema ta' pagament ta' valur kbir tal-Eurosistema, is-sistema TARGET2 (Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer) tnediet f'Novembru 2007 u hija mħaddma minn tliet banek ċentrali tal-Eurosistema, jiġifieri l-Banca d'Italia, il-Banque de France u d-Deutsche Bundesbank, f'isem l-Eurosistema. Lokalment, is-servizzi tat-TARGET2 huma pprovduti mis-sistema komponenti TARGET2-Malta.
Bħala parti mill-funzjonijiet ta' sorveljanza, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwettaq evalwazzjoni ta' sorveljanza fuq it-TARGET2 kontra l-PFMIs jew standards internazzjonali oħra. Il-Bank jipparteċipa fl-evalwazzjoni ta' sorveljanza ta' din is-sistema permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-grupp ta' ħidma Ewropew rilevanti u l-għoti ta' ċerta data lill-BĊE fir-rigward tas-sistema komponenti TARGET2-Malta meta jkun meħtieġ.
It-T2S hija infrastruttura tal-Eurosistema li tipprovdi pjattaforma pan-Ewropea unika mingħajr fruntieri lill-industrija Ewropea ta' wara n-negozjar għas-saldu ta' titoli fi flus tal-bank ċentrali. Tipprovdi servizzi kritiċi ta' saldu lil ħafna CSDs u banek ċentrali taż-żona tal-euro u mhux taż-żona tal-euro.
Fir-rigward tas-sorveljanza, l-Eurosistema għandha kompetenza legali sabiex tissorvelja t-T2S li hija evalwata kontra l-PFMIs. Is-sorveljanza tat-T2S tinkludi l-evalwar tal-organizzazzjoni ġenerali tat-T2S bħala infrastruttura kritika, kif ukoll is-servizzi li tipprovdi. Hu importanti li wieħed jinnota li l-BĊE għandu responsabbiltà ta' sorveljanza primarja għat-T2S u jmexxi u jikkoordina l-attivitajiet kollha ta' sorveljanza.
L-MCH hi sistema ta' pagament ta' kklerjar taċ-ċekkijiet u hija mmaniġġjata minn kumitat ta' membri parteċipanti. Filwaqt li l-Bank jippresjedi kumitat bħal dan, dan tal-aħħar hu responsabbli għar-Regoli u r-Regolamenti tal-MCH li jistgħu jiġu emendati kif meħtieġ.
Skont l-istatistika pprovduta lill-BĊE għall-eżerċizzju ta' klassifikazzjoni annwali tas-sistemi ta' pagament, l-MCH ġiet ikklassifikata bħala ORPS u essaċċ it-tali subsett applikabbli tal-PFMIs ġie applikat matul din l-evalwazzjoni. Minħabba li sistema bħal din topera fuq livell nazzjonali, hija r-responsabbiltà tal-Bank li jwettaq sorveljanza fuq sistema bħal din sabiex jiżgura konformità u jissalvagwardja s-suq finanzjarju.
L-MTEUROPAY hija sistema ta' pagament li toffri saldu f'euro lill-parteċipanti tagħha (prinċipalment istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji liċenzjati f'Malta) permezz tal-pjattaforma STEP2 tal-Euro Banking Association (EBA). Din is-sistema ta' pagament bdiet topera fl-2020 u eventwalment ġiet ikklassifikata bħala ORPS abbażi tal-eżerċizzju annwali ta' klassifikazzjoni tal-BĊE.