MTEUROPAY
MTEUROPAY hija sistema ta' pagament operata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta li toffri ħlas sigur ta' pagamenti bl‑imnut f'euro lil istituzzjonijiet ta' kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji, istituzzjonijiet tal-ipproċessar tal‑pagamenti kif ukoll depożitarji ċentrali tat‑titoli liċenzjati f'Malta mill‑Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) permezz tal-pjattaforma STEP2 tal-Euro Banking Association (EBA).
Il-Bank Ċentrali ta' Malta għandu l-infrastruttura meħtieġa biex jaqbad direttament mal-pjattaforma STEP2 tal-EBA, għall-ikklirjar ta' trasferimenti ta' kreditu bis-SEPA (SCTs) nazzjonali u transkonfinali kif ukoll debiti diretti bis-SEPA (SDDs), kemm Core u kif ukoll B2B. Il-jiem operattivi tal-MTEUROPAY jaqblu mal-kalendarju tat-TARGET2. Il-komunikazzjoni tas-sistema, kemm dik dieħla kif ukoll dik ħierġa, isseħħ esklussivament permezz ta' SWIFT.
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jista' wkoll, fid-diskrezzjoni tiegħu jdaħħal l-entitajiet li ġejjin bħala parteċipanti diretti:
- Entitajiet mis-settur pubbliku f'Malta li jipproċessaw il-pagamenti f'konformità sħiħa mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;
- Istituzzjonijiet liċenzjati skont l-Att dwar Servizzi ta' Investiment f'Malta mill-MFSA;
- Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' kklirjar jew ħlas u li huma soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti f'Malta.
Il-benefiċċji li toffri l-MTEUROPAY lill-parteċipanti huma:
- L-ebda riskju ta' kreditu billi l-ħlas isir bi flus tal-Bank Ċentrali;
- L-ebda dipendenza fuq banek korrispondenti transkonfinali għall-ħlas ta' pagamenti bl-imnut fil-munita tagħhom;
- SCTs indirizzabbli lil/mill-parteċipanti jiġu kklirjati lokalment, b'hekk ipproċessar aktar f'waqtu;
- Struttura tat-tariffi kompetittivi;
- Aċċess għall-infrastrutturi tal-pagamenti Ewropej;
- Struttura ta' governanza nazzjonali;
- Ekonomiji ta' skala.
Rekwiżiti għall-parteċipazzjoni fl-MTEUROPAY huma:
- Sħubija ma' SWIFT u Connected BIC;
- Liċenzja tal-MFSA;
- Parteċipazzjoni fil-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti (EPC);
- Aderenza mal-Att kontra l-Ħasil tal-Flus (PMLA), mar-Regolamenti kontra l-Ħasil tal-Flus u Finanzjar ta' Terroriżmu (PMLFTR) u ma' kwalunkwe Direttiva tal-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), u implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni maqbula u magħmula mill-FIAU jew l-MFSA, jekk applikabbli.
Il-parteċipanti prospettivi ser ikollhom bżonn jgħaddu minn proċess bir-reqqa ta' evalwazzjoni ta' diliġenza dovuta u juru proċeduri robusti ta' konformità mal-AML/FT fis-seħħ.
Għal aktar informazzjoni, tista' tikkuntattjana hawn.
Informazzjoni/Formoli:
Il-Ftehim dwar l-aċċess għal MTEUROPAY, il-Proċeduri Operattivi u l-Istandards Tekniċi ser jiġu pprovduti wara l-laqgħa inizjali u l-iffirmar ta' Ftehim ta' Kunfidenzjalità.