TARGET2
Il-fluss bla xkiel ta' fondi fi ħdan sistema finanzjarja jiddependi mill-arranġament effikaċi għat-trażmissjoni, l-ikklerjar u s-saldu ta' pagamenti f'xenarju mingħajr riskji. Għalhekk, il-banek ċentrali madwar id-dinja għandhom jagħmlu arranġamenti għas-saldu f'waqtu u sigur ta' pagamenti b'valur għoli.
Bħala riżultat tal-adozzjoni tal-euro min-naħa ta' Malta, il-Bank Ċentrali ta' Malta ssieħeb fit-TARGET2, li hi sistema ta' pagamenti ta' valur għoli. It-TARGET2 hi t-tieni ġenerazzjoni tat-TARGET, akronimu għal Sistema ta' Trasferiment fil-Pront Awtomatizzat Trans-Ewropew għall-Pagament Gross f'Ħin Reali. It-tranżazzjonijiet TARGET2 jiġu saldati fi flus tal-bank ċentrali u jkunu koperti b'finalità immedjata.
Il-Bank iħaddem it-TARGET2-Malta, li flimkien mal-komponenti l-oħra kollha tal-banek ċentrali nazzjonali tal-UE jiffurmaw it-TARGET2. Qabel l-adozzjoni tal-euro, il-Bank Ċentrali ta' Malta kien iħaddem is-sistema għall-ħlas gross f'ħin reali għal-Lira Maltija msejħa MaRIS.
TARGET2-MALTA
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ssieħeb fit-TARGET2 minn meta bdiet tiffunzjona fid-19 ta' Novembru 2007 bħala pajjiż barra ż-żona tal-euro. Meta Malta ssieħbet fiż-żona tal-euro fl-1 ta' Jannar 2008, il-Bank Ċentrali ta' Malta sar parti mill-Eurosistema, u b'hekk beda jipparteċipa fit-TARGET2 bħala pajjiż taż-żona tal-euro. Fi ħdan l-Eurosistema, it-TARGET2 ħadet post il-pjattaformi tekniċi deċentralizzati tat-TARGET, li ma kinux joffru teknoloġija u servizzi standardizzati.
Is-sistema RTGS il-ġdida tiffunzjona fuq pjattaforma unika komuni (SSP), u titħaddem minn tliet banek ċentrali tal-Eurosistema, jiġifieri l-Banca d'Italia, il-Banque de France u d-Deutsche Bundesbank, f'isem l-Eurosistema.
L-istituzzjonijiet ta' kreditu li jipparteċipaw direttament jistgħu jittrasferixxu pagamenti denominati f'euro f'ħin reali mill-kont tagħhom fuq l-SSP. Parteċipanti konnessi indirettament iħallsu l-pagamenti tagħhom permezz ta' parteċipant dirett, billi jużaw il-kont tal-parteċipant dirett fuq l-SSP. Is-sistema hi disponibbli bejn is-7.00 CET u s-18.00 CET mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bl-eċċezzjoni ta' sitt btajjel uffiċjali, jiġifieri, l-1 ta' Jannar, il-Ġimgħa l-Kbira, it-Tnejn ta' wara l-Għid Kattoliku, l-1 ta' Mejju, u l-25 u s-26 ta' Diċembru. L-Eurosistema tissetilja l-operazzjonijiet tal-politika monetarja tagħha permezz tas-sistema TARGET2.
Il-benefiċċji ewlenin tat-TARGET2 jinkludu:
1. il-kisbiet ogħla fl-effiċjenza fl-infiq li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' sistema ċentralizzata, li tfisser tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż operazzjonali u ta' manutenzjoni;
2. il-flessibbiltà tas-sistema li faċilment tista' tiġi adattata fil-futur;
3. il-ġenerazzjoni ta' ekonomiji ta' skala, li jwasslu għal tnaqqis imdaqqas fl-ispejjeż, flimkien ma' prezzijiet standardizzati għal pagamenti domestiċi u transkonfinali;
4. kundizzjonijiet ugwali għall-utenti kollha;
5. servizzi wesgħin u flessibbli għall-maniġġ tal-likwidità biex ilaħħqu mat-talbiet tal-utenti;
6. livell għoli ta' disponibbiltà u kontinwità tan-negozju.
Kwestjonarju tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja dwar il-Kontinwità tal-Aċċess għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji għal Kumpaniji f'Riżoluzzjoni
Fis-6 ta' Lulju 2017, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) ippubblika l-Guidance on Continuity of Access to Financial Market Infrastructures (FMIs) for Firms in Resolution. Dan skont liema fornituri ta' servizzi kritiċi ta' FMIs għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet xierqa sabiex jikkunsidraw u jippjanaw l-interazzjoni bejn ir-reġimijiet ta' riżoluzzjoni tal-utenti tagħhom tas-servizzi tal-FMIs u l-qafas tagħhom ta' maniġġ tar-riskji. B'hekk jiġu ċċarati l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu f'xenarju ta' riżoluzzjoni, biex jappoġġjaw lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet fit-tisħiħ fil-prontezza tar-riżoluzzjoni. Minn dakinhar, l-operatur tat-TARGET2 ħa miżuri biex jirriflettu l-Gwida tal-FSB fid-dokumentazzjoni legali u operazzjonali relevanti tat-TARGET2.
Fl-14 ta' Awwissu 2020, l-FSB ippubblika mudell komuni għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-kontinwità tal-aċċess għall-FMIs għal kumpaniji f'riżoluzzjoni. Dan sar bil-għan li jissimplifika l-provvediment tal-informazzjoni minn FMIs lil kumpaniji u awtoritajiet u sabiex inaqqas in-numru ta' talbiet mill-banek u l-awtoritajiet lill-FMIs. Il-mudell jieħu l-forma ta' kwestjonarju li l-FMIs kollha huma mħeġġa jimlew.
L‑Eurosistema bħala l‑operatur tat‑TARGET2 tappoġġa din l‑inizjattiva tal‑FSB u l‑Bank Ċentrali ta' Malta b'dan qed jippubblika l‑pożizzjoni tiegħu fir‑rigward tat‑TARGET2‑Malta.
Il-parteċipanti fit-TARGET2-Malta huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Bank Ċentrali ta' Malta f'każ ta' mistoqsijiet relatati mal-metodu ġenerali jew mat-tweġibiet għat-TARGET2.