Malta Clearing House
Il‑Malta Clearing House twaqqfet fil‑bidu tas‑snin sebgħin tas‑seklu għoxrin biex tipprovdi arranġamenti għall‑ikklerjar ta’ ċekkijiet bejn l‑istituzzjonijiet parteċipanti. Skont id‑dispożizzjoniet tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Bank għandu l‑awtorità biex jippromwovi t‑twaqqif ta’ sistema bankarja għall‑ikklerjar u biex jipprovdi faċilitajiet għaliha.
F’Malta m'hemm ebda leġiżlazzjoni speċifika li tirregola l‑proċess tal‑ikklerjar għaċ‑ċekkijiet. Is‑sistema hi bbażata għalkollox fuq ftehimiet u fuq Regoli u Regolamenti stabbiliti mill‑Malta Clearing House. Dawn jispeċifikaw il‑parteċipanti, il‑mekkaniżmu għat‑teħid tad‑deċiżjonijiet u d‑drittijiet relatati tal‑vot, u r‑regoli operazzjonali għall‑ikklerjar ta’ ċekkijiet maħruġa fuq il‑banek rispettivi. Il‑kompiti involuti fl‑ipproċessar ta’ ċekkijiet permezz tal‑clearing house huma maqsuma bejn l‑istituzzjonijiet parteċipanti, fejn il‑clearing house tiffaċilita biss l‑iskambju ta’ strumenti u l‑informazzjoni elettronika relatata.
L‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji kollha li joperaw kontijiet li minnhom jinħarġu ċekkijiet u/jew jipprovdu servizzi relatati ma' tisrif ta' ċekkijiet denominati f’euro huma eliġibbli biex jissieħbu mal‑Malta Clearing House li hi ppreseduta mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Jekk bank jiddeċiedi li ma jsirx membru tal‑clearing house, jista’ jaħtar wieħed mill‑membri eżistenti bħala l‑aġent tiegħu, fejn is‑saldu mbagħad isir permezz tal‑call account (kont ta’ depożitu mingħajr data ta’ maturità u bil‑faċilità ta’ rtirar ta’ fondi fi kwalunkwe ħin) ta’ dak l‑aġent. Il‑banek l‑oħra parteċipanti jittrattaw dan il‑bank bħala fergħa oħra tal‑bank tal‑aġent.