About Us

Opportunitajiet għal Karriera

Bħala parti mill‑istrateġija tal‑iżvilupp tiegħu, il‑Bank Ċentrali ta' Malta b'mod regolari jistieden lill‑individwi li għandhom kwalifiki akkademiċi u professjonali ta' livell għoli u li huma interessati f'impjieg mal‑Bank. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta joffri karrieri eċċellenti f'diversi dixxiplini bħall‑ekonomija, l‑istatistika, il‑finanzi, it‑teżor, it‑teknoloġija tal‑informatika, ir‑riżorsi umani, l-accountancy u l‑verifika interna. Il‑postijiet jistgħu jkunu fuq livell bażiku, jew f'livelli ta' gradwati u livelli professjonali, skont il‑ħtiġijiet tal‑Bank. Il-Bank ifittex kandidati b'lawrji minn universitajiet ta' reputazzjoni.

Karrieri

Għaliex tikkonsidra l-Bank Ċentrali ta' Malta?

Il-Bank Ċentrali ta' Malta joffri opportunitajiet ta' sodisfazzjon u ta' sfida lill-impjegati l-ġodda sabiex isostni t-tkabbir u r-rikonoxximent personali u professjonali tagħhom:

  • salarji kompetittivi
  • avvanz fil‑karriera abbażi tal‑mertu;
  • benefiċċji applikabbli għal impjegati fi ħdan is‑settur bankarju, bħal pereżempju self issussidjat għal xiri ta' dar;
  • assistenza f'termini ta' ħin u flus għal opportunitajiet ta' żvilupp personali fil‑livelli ta' Baċellerat, Master u Dottorat.
  • parteċipazzjoni f'laqgħat barra minn Malta organizzati mis‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, mill‑Eurosistema u minn istituzzjonijiet oħra;
  • assigurazzjoni fuq is-saħħa għall-impjegati u d-dipendenti tagħhom;
  • benefiċċji fir‑rigward ta' mewt waqt is‑servizz;
  • parteċipazzjoni fl‑Iskema tal‑Bank ta' Assigurazzjoni fuq il‑Ħajja u f'każ ta' Aċċident;
  • sussidju ta' sottoskrizzjoni ta' sħubija f'korpi professjonali.

Il-Bank joffri wkoll benefiċċji attraenti sabiex jissodisfa l-benesseri tal-impjegati, u sabiex isostni bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja permezz ta' miżuri favur il-familja:

  • ambjent tax‑xogħol eċċellenti;
  • tingħata assistenza kunfidenzjali u professjonali lil dawk l‑impjegati li jeħtieġu għajnuna permezz tal‑Programm tal‑Bank ta' Assistenza għall‑Impjegati;
  • parteċipazzjoni fil‑Programm ta' Appoġġ għall‑Organizzazzjoni u l‑Istaff li jippromwovi l‑benesseri mentali tal‑istaff;
  • Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jorganizza wkoll attivitajiet sportivi u soċjali.

Ikklikkja hawn għal lista ta' Benefiċċji tal-Impjegati ġewwa l-Bank Ċentrali ta' Malta.

Politika tal-Impjiegi

  • Hi l‑politika tal‑Bank li jimpjega staff f'livelli klerikali u eżekuttivi fuq bażi full‑time jew part‑time (b'kuntratt għal żmien determinat), skont ħtiġijiet speċifiċi.
  • Il‑Bank iħaddan u josserva politika ta' opportunitajiet indaqs u ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, kemm waqt il‑proċess tas‑selezzjoni kif ukoll matul iż‑żmien tal‑impjieg.
  • Ir‑reklutaġġ kollu li jagħmel il‑Bank hu soġġett għal‑leġiżlazzjoni nazzjonali.
  • Il‑Bank jinforza wkoll politika stretta kontra l‑fastidju sesswali biex jippromwovi ambjent tax‑xogħol pożittiv.

Saħħa u Sigurtà

Il‑Bank jipprovdi ambjent tax‑xogħol li jħares is‑saħħa u s‑sigurtà billi: 

  • jikkonforma mar‑regoli statutorji u l‑kodiċijiet u prattiċi aċċettati kollha fir‑rigward tas‑saħħa u s‑sigurtà, inkluż il‑Kap. 424 tal‑Att dwar l‑Awtorità għas‑Saħħa u s‑Sigurtà fuq il‑Post tax‑Xogħol;
  • jiżviluppa l‑politika, il‑proċeduri u l‑linji gwida tal‑Organizzazzjoni dwar is‑Saħħa u s‑Sigurtà;
  • jiżgura li l‑maniġers kollha tad‑diversi taqsimiet jifhmu u jerfgħu r‑responsabbiltà għall‑proċess tas‑saħħa u s‑sigurtà f'kull qasam tax‑xogħol;
  • jipprovdi informazzjoni, struzzjonijiet, taħriġ u superviżjoni biex jiżgura li l‑membri tal‑istaff ikunu jafu x'inhuma l‑prattiċi siguri tax‑xogħol, il‑proċeduri f'każ ta' emerġenza u kwalunkwe riskju possibbli għas‑saħħa u s‑sigurtà fl‑ambjent tax‑xogħol tagħhom;
  • jikkonsulta mal‑istaff u r‑rappreżentant tas‑Saħħa u s‑Sigurtà fuq il‑Post tax‑Xogħol dwar kwistjonijiet relatati mas‑saħħa u s‑sigurtà;
  • jipprovdi klinika tas-saħħa kull ġimgħa għall-impjegati;
  • jorganizza regolarment programmi ta' health screening għall-impjegati.

Proċeduri ta' reklutaġġ

Il-postijiet vakanti kollha fil-Bank huma ppubblikati kemm internament u kif ukoll esternament fl-istess ħin. Madankollu, il-Bank jirriżerva d-dritt għal ċerti pożizzjonijiet li l-ewwel jippubblika dawn il-pożizzjonijiet internament u jekk ma jinstabux applikanti interni, jiġi attivat il-proċess ta' reklutaġġ estern.

Postijiet vakanti fil‑Bank jiġu ppubblikati fil‑midja, fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank u LinkedIn.

Il-proċess tas-selezzjoni

  • Test bil‑miktub

Għal ċerti pożizzjonijiet, hija meħtieġa evalwazzjoni fil-forma ta' test bil-miktub u għoti ta' preżentazzjoni ħalli jiġu vvalutati l‑ħiliet tal-kandidati biex jaqdu l‑irwol speċifiku. Dan it-test isir bil-lingwa Ingliża. Għal ċerti pożizzjonijiet għoljin, isir ukoll test psikometriku tal-personalità minn psikologu.

  • Intervista

Panel independenti jintervista lill-kandidati biex jiġu eżaminati b'iktar reqqa l‑ħiliet, il‑kompetenzi u l‑abbiltajiet tal‑kandidat biex jerfa' r‑responsabbiltajiet tal‑irwol speċifiku.

  • Eżami mediku

Qabel ma jiġu impjegati mill-Bank, il-kandidati li jintgħażlu fil-proċess tas-selezzjoni jsirilhom eżami mediku mill‑konsulent mediku tal‑Bank.

  • Kontrolli tas‑sigurtà

Il‑Bank jagħmel kontrolli tas‑sigurtà fir-rigward tal-impjegati prospettivi kollha qabel ma jiġu impjegati.

  • Referenzi

Il-Bank jitlob lill-applikanti prospettivi biex jissottomettu l-ismijiet ta' żewġ referees li jiġu kkuntattjati meta l-applikant jaċċetta l-offerta ta' impjieg.

  • Offerti ta' Impjieg

Il‑kandidati magħżulin imbagħad jirċievu offerta ta' impjieg (soġġetta għal perjodu ta' prova kif stipulat fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, Kapitlu 452). Meta l‑kandidat jaċċetta l‑offerta, tiġi stabbilita d‑data tal‑ingaġġ.

  • Programm Introduttiv

Mal‑ingaġġ, ir‑rekluti l‑ġodda jsegwu programm introduttiv biex isiru jafu r‑regoli, ir‑regolamenti u l‑funzjonijiet ġenerali tal‑Bank.

Avviż dwar Impjiegi

Jekk tixtieq tirċievi avviżi bl‑email dwar postijiet vakanti fil‑Bank, jekk jogħġbok imla l‑formola ta' sottoskrizzjoni. Meta jkun hemm postijiet tax‑xogħol vakanti, immedjatament tintbagħatlek email li tinfurmak dwar id‑dettalji tas‑sejħa għall‑applikazzjonijiet.

Nipproteġu l-privatezza tiegħek

Kwalunkwe data personali għandha tiġi pproċessata skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni lokali u tal-UE applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(Regolament (UE) 2016/679) magħrufa bħala "GDPR". Kwalunkwe data personali ser tkun viżibbli biss għal numru limitat ta' impjegati tal-Bank Ċentrali ta' Malta u ser tintuża biss għal skopijiet ta' reklutaġġ. Il-perjodu ta' żamma ta' din id-data personali huwa skont l-istrateġija ta' żamma tad-dokumenti tal-Bank. L-applikanti għalhekk qed jagħtu l-kunsens tagħhom biex id-data personali tagħhom tiġi pproċessata mill-Bank Ċentrali ta' Malta għal skopijiet ta' reklutaġġ biss. Skont il-GDPR, l-applikanti għandhom dritt ta' aċċess u ta' portabilità tad-data personali tagħhom, kif ukoll id-dritt li jirrettifikaw, iħassru u jirrestrinġu d-data personali tagħhom u li joġġezzjonaw għall-ipproċessar u kif ukoll id-dritt li jirtiraw il-kunsens tagħhom. Ilmenti dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jintbagħtu wkoll lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data permezz tas-sit elettroniku www.idpc.org.mt.