Payment Systems

Regolament dwar il-Pagamenti Transkonfinali (CBPR)

F'Settembru 2009, il-Parlament Ewropew ħareġ ir-Regolament (KE) Nru 924/2009, bil-għan li jiffaċilita t-tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jiżgura li t-tariffi għall-pagamenti transkonfinali f'euro bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro jkunu ndaqs għat-tariffi għall-pagamenti domestiċi f'euro. Madankollu, l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro ma jgawdux l-istess benefiċċji ta' dan ir-Regolament u l-pagamenti f'euro f'dawn l-Istati Membri baqgħu ogħla. Dan ħoloq ostakli sinifikanti fl-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern għan-negozji u ċ-ċittadini fi ħdan l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

Ir-Regolament (UE) 2019/518 jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 u l-għan ewlieni tiegħu huwa l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi bejn il-pagamenti transkonfinali f'euro u l-pagamenti nazzjonali korrispondenti fil-munita nazzjonali. Dan jiżgura li l-iffrankar tal-ispejjeż jitgawda kemm mill-Istati Membri taż-żona tal-euro kif ukoll minn dawk li mhumiex. Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fil-15 ta' Diċembru 2019.

Ir-Regolament emendat għandu wkoll l-għan li jikseb trasparenza sħiħa tat-tariffi għall-konverżjoni tal-munita billi jistandardizza l-mod kif jintwerew dawn it-tariffi. F'dan ir-rigward, it-tariffi totali għall-konverżjoni tal-munita għandhom jiġu espressi bħala żieda perċentwali fuq l-aħħar rati ta' referenza tal-kambju barrani tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fuq pjattaforma elettronika disponibbli b'mod wiesa' u aċċessibbli faċilment.

Sa minn April 2020, qabel il-bidu ta' tranżazzjoni bbażata fuq kard jew fil-punt tal-bejgħ (POS) jew f'magna tal-ATM li tinvolvi konverżjoni tal-munita, il-fornitur tas-servizzi jeħtieġ li jiżvela lill-pagatur l-informazzjoni li ġejja:

  • jinforma lill-pagatur bl-għażla li jħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju;
  • għandu jintwera l-ammont li għandu jitħallas kemm fil-muniti tal-pagatur u tal-benefiċjarju;
  • il-perċentwal taż-żieda u l-ammonti li għandhom jitħallsu fiż-żewġ muniti għandhom ikunu disponibbli fuq mezz li jservi fit-tul.

Barra minn hekk, għal trasferimenti ta' kreditu onlajn li jinvolvu konverżjoni ta' munita, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament għandu jiżvela dan li ġej:

  • it-tariffi stmati tal-konverżjoni tal-munita applikabbli għat-trasferiment tal-kreditu;
  • l-ammont totali stmat tat-trasferiment tal-kreditu fil-munita tal-pagatur, inklużi kwalunkwe tariffi tat-tranżazzjoni u kwalunkwe tariffa tal-konverżjoni tal-munita, kif ukoll l-ammont stmat li għandu jiġi ttrasferit lill-benefiċjarju fil-munita tal-benefiċjarju.

Mid-19 ta' April 2021, l-emittenti tal-kards huma meħtieġa jibagħtu messaġġ elettroniku li jkun fih iż-żieda perċentwali, immedjatament wara li jirċievu u jawtorizzaw pagament denominat f'munita oħra tal-UE jew minn punt tal-bejgħ jew minn magna tal-ATM. Il-messaġġ elettroniku għandu jintbagħat lill-pagatur darba fix-xahar għal pagamenti futuri denominati fl-istess munita. L-informazzjoni għandha tingħata lill-pagatur bla ħlas u permezz ta' mezz faċilment aċċessibbli. Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament għandu jipprovdi lill-utent il-possibbiltà li jagħżel li ma jirċivix messaġġi elettroniċi bħal dawn.

Għal iktar ċarezza u razzjonalità, ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 ġie kkodifikat fir-Regolament (UE) 2021/1230.