Ir-Regolament dwar it-Tariffa tal-Interkambju (IFR)
Ir-Regolament (UE) Nru 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar 'it-tariffi tal‑interkambju għal tranżazzjonijiet ta' pagament bil-kards' (IFR) daħal fis-seħħ fit-8 ta' Ġunju 2015. Id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament jidħlu fis-seħħ f'dati differenti. L-applikazzjoni ta' livelli massimi tat-tariffi tal-interkambju, kif deskritt fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 4, daħlet fis-seħħ fid-9 ta' Diċembru 2015, fost rekwiżiti oħra. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet relatati mar-regoli tan-negozju jidħlu fis-seħħ fid-9 ta' Ġunju 2016.
L-iskop tal-IFR hu li jappoġġa l-għan tal-ksib ta' suq tal-pagamenti bil-kards iżjed effettiv fl-Ewropa kollha kemm hi, fattur li jikkontribwixxi biex ikabbar il-kompetittività u l-innovazzjoni. Dan jista' jibbenefika lill-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari lill-konsumaturi. Barra minn hekk, ir-Regolament hu maħsub biex inaqqas l-ispejjeż għan-negozjanti u għall-konsumaturi, jippromwovi kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd u sussegwentement hu ttamat li jiżdiedu l‑aċċettazzjoni u l-użu tal-kards.
Skop ewlieni tal-IFR hu li jimponi limiti massimi fuq it-tariffi tal-interkambju li tipikament jiġu stabbiliti mill-iskemi tal‑kards, u li fuqhom in-negozjanti ftit li xejn għandhom setgħa ta' negozjar. Dawn it-tariffi jirċevihom min joħroġ il‑kards (il-fornitur tas‑servizz tal-pagament ta' min ikollu kard) mingħand l-akkwirent tan-negozjant (il-fornitur tas‑servizz tal-pagament tan-negozjant) u jikkostitwixxu l-pagament ta' tariffa għal kull tranżazzjoni li jagħmel min ikollu kard. Min‑naħa l-oħra, it-tariffi tal-interkambju jiffurmaw parti mill-pakkett ta' tariffi (il-pagament dovut min‑negozjant għas-servizz) li l-akkwirent tan-negozjant jiċċarġja lin-negozjant għal kull tranżazzjoni pproċessata.
L-iskop tal-limitu massimu applikat għat-tariffi tal-interkambju hu li d-dħul tal-bank li joħroġ il-kards jiġi ridistribwit favur in-negozjanti billi jnaqqas l-ispejjeż għall-aċċettazzjoni tal-kards. Spejjeż iżjed baxxi fuq l-użu tal-kards għandhom jippromwovu żieda fl-aċċettazzjoni tal-kards u jwasslu għal prezzijiet irħas għall-klijenti. Ir-Regolament jistipula li t‑tariffa tal-interkambju imposta fuq it-tranżazzjonijiet bil-kards tad-debitu ma tistax taqbeż il-livell ta' 0.2% tal-valur tat‑tranżazzjoni, waqt li t-tariffa tal-interkambju imposta fuq it-tranżazzjonijiet bil-kards tal-kreditu ma tistax taqbeż il‑livell ta' 0.3% tal-valur tat‑tranżazzjoni. Dawn il-livelli massimi ġew determinati permezz ta' 'Test tal-Indifferenza tan‑Negozjant' li stabbilixxa rata li tippermetti lin-negozjant jibqa' indifferenti bejn l-aċċettazzjoni ta' pagament b'kard jew bi flus kontanti.
Barra minn hekk, l-IFR jagħti marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta' livelli massimi għal tranżazzjonijiet domestiċi bil-kards li jsiru b'kards tad-debitu jew tal-kreditu. F'dan ir-rigward, il-Ministru għall-Finanzi ddeċieda bis-saħħa tal-Avviż Legali 263 tal-2016 li japplika livelli massimi għat-tariffi tal-interkambju fir-rigward tat‑tranżazzjonijiet domestiċi ta' pagament bil-kards kif ġej:
- Għal pagamenti bil-kards tal-kreditu, tariffa massima ta' 0.30%
- Għal pagamenti bil-kards tad-debitu, tariffa massima ta' 0.15%
Il-Bank Ċentrali ta' Malta nħatar bħala l-Awtorità Kompetenti għall-IFR bis-saħħa tal-Avviż Legali 326 tal-2015, li kompla jiġi emendat bl-Avviż Legali 220 tal-2016, li jżid regolament ġdid relatat mal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet.
Spjegazzjoni iżjed dettaljata tar-Regolament dwar it-Tariffa tal-Interkambju hi aċċessibbli hawn.