Relazzjonijiet Lokali
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jaħdem mill‑qrib ma' awtoritajiet u istituzzjonijiet lokali, kif ukoll mas-settur finanzjarju u bankarju Malti, dwar diversi kwistjonijiet ta' interess komuni, b'mod partikolari fejn din il‑kollaborazzjoni hi maħsuba biex tikkontribwixxi għall‑istabbiltà tas‑settur finanzjarju, tiffaċilita t‑tħaddim ta' sistemi ta' pagamenti u ta' ssetiljar ta' titoli u l‑ġbir ta' statistika u tagħrif ieħor.
F'dan il‑kuntest, il‑Bank diġà għamel ftehim mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta dwar l‑iskambju ta' informazzjoni u ftehim ieħor dwar sistemi ta' pagament u ssetiljar ta' titoli.
Il‑Bank għamel ukoll ftehim mal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika dwar il‑ġbir u l‑kompilazzjoni tal‑istatistika. Ftehim ieħor jirregola l-iskambju ta’ data u kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u l-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-qasam tal-istatistika tal-finanzi tal-gvern.