About Us

Relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet internazzjonali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta hu membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-Gvernatur u uffiċjali oħrajn mill-Bank jipparteċipaw fil-ħidma tas-SEBĊ.

Is-SEBĊ hi magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)  u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea:

L-Eurosistema hi magħmula miIl-BĊE u l-BĊN ta’ dawk l-Istati Membri tal-UE li adottaw l-euro. Minbarra l‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑BĊN l‑oħra li jiffurmaw parti mill‑Eurosistema huma: Il-Banque Nationale de Belgique , il-Bulgarian National Bank , is-Central Bank of Cyprus , id-Deutsche Bundesbank , l-Eesti Pank , il-Banco de España , il- Banque de France , il-Bank of Greece , il-Hrvatska Narodna Banka , is-Central Bank of Ireland , il-Banca d' Italia , il-Latvijas Banka , il-Lietuvos bankas , il-Banque centrale du Luxembourg , De Nederlandsche Bank , l-Oesterreichische Nationalbank , il-Banco de Portugal , il-Banka Slovenije , in-in-Nàrodná banka Slovenska , u s- Suomen Pankki . Il-membri l-oħra tas-SEBĊ jinkludu: iċ-Ceská Národní Banka , id-Danmarks Nationalbank , il-Magyar Nemzeti Bank , in-Narodowy Bank Polski , il-Banca Nationala a României , u s-Sveriges Riksbank .

Il-Bank ukoll iżomm relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali li tagħhom Malta hija membru. Dawn l‑istituzzjonijiet jinkludu l‑Fond Monetarju Internazzjonali  (FMI), il-Grupp tal-Bank Dinji  (WBG), il‑Bank Ewropew għar‑Rikostruzzjoni u l‑Iżvilupp  (BERŻ) u l-Bank Asjatiku għall‑Investiment fl‑Infrastruttura  (AIIB). 

Logos

Il-Bank jissorvelja regolarment l-iżviluppi fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet kollha u jikkoopera ma’ istituzzjonijiet bħal dawn biex titkompla l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ġodda li huma fl-iskop tal-mandat tagħhom, b'mod partikolari dawk relatati mal-istabbiltà monetarja u finanzjarja internazzjonali u l-iżvilupp ekonomiku.

Il-Bank ukoll jagħti pariri lill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol  dwar materji magħżula relatati mal-FMI, il-WBG, il-BERŻ u l-AIIB. Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Ministru tal‑Finanzi u x-Xogħol jipparteċipaw fil‑laqgħat ta' dawn l‑entitajiet internazzjonali.

L-FMI jżomm kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet monetarji fl-istati membri tiegħu sabiex jiżgura sistema monetarja u ta' rati tal-kambju internazzjonali stabbli. Ir-relazzjoni mill-qrib li hemm bejn il-Bank u l-FMI toħroġ mill-obbligazzjonijiet statutorji li Malta assumiet meta ssieħbet mal-Fond fl-1968.

Il‑Bank hu osservatur fil‑Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali   u huwa membru mingħajr vot fl‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) .

L-irwoli ex-ufficio tal-Gvernaturi

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta ilu membru tal-Kunsill Ġenerali  tal-BĊE sa mill-1 ta’ Mejju 2004 meta Malta saret parti mill-Unjoni Ewropea, u ilu membru tal-Kunsill Governattiv  tal-BĊE sa mill-1 ta’ Jannar 2008 meta Malta adottat l-euro bħala l-munita tagħha.

Il‑Gvernatur jirrappreżenta lil Malta fil‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑FMI, tal‑BERŻ u tal‑AIIB, filwaqt li jaqdi wkoll l‑irwol ta' Gvernatur Alternattiv fil‑WBG.

Il-Gvernatur ilu membru tal-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS)   sa mit-twaqqif tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2011.

Il‑Gvernatur jakkumpanja l‑Ministru tal‑Finanzi u x-Xogħol fil‑laqgħat informali tal-Kunsill għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal‑UE . Id‑Deputat Gvernatur responsabbli għall‑politika monetarja jirrappreżenta lill‑Bank fil‑Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li jagħti parir lill‑Kunsill dwar kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji. Impjegati oħrajn jipparteċipaw fil-Kumitat għall-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti, li jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ xogħol relatati ma’ materji ta’ statistika.

Id-Deputat Gvernatur, responsabbli għall-istabbiltà finanzjarja, huwa membru tal-Bord Superviżorju tal-BĊE. Id-Deputat Gvernatur jattendi laqgħat tal-EBA bħala rappreżentant tal-Bank Ċentrali, flimkien ma’ uffiċjali mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Id-Deputat Gvernatur huwa wkoll membru bla vot fil-Bord tas-Superviżuri tal-EBA.

Uffiċjali mill-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipaw f’diversi kumitati tal-UE, tas-SEBĊ u tal-BERS.