About Us

L-immaniġġjar tar-riżervi

Il-Bank Ċentrali ta' Malta hu responsabbli biex iżomm u jimmaniġġja r-riżervi uffiċjali tal-pajjiż li jikkonsistu minn portafoll ta' assi finanzjarji barranin u lokali. Skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn ir-riżervi, flimkien ma' dawk tal-banek ċentrali nazzjonali l-oħra u r-riżervi uffiċjali tal-Bank Ċentrali Ewropew, jagħmlu parti mir-riżervi tal-Eurosistema.

Il-Bord tad-Diretturi huwa responsabbli biex ifassal l-istrateġija tal-investimenti tal-Bank filwaqt li l-Kumitat tal-Bank għall-Politika tal-Investimenti huwa responsabbli biex isegwi l-andament tal-portafoll tal-investimenti u jagħmel aġġustamenti ppjanati. Qabel l-adozzjoni tal-euro, iż-żamma tar-riżervi kienet prinċipalment isservi biex jiġi mħares il-valur tal-munita domestika u biex tiġi sostnuta r-rata tal-kambju fissa. Għalhekk, l-għan ewlieni tal-immaniġġjar tar-riżervi kien biex tiġi żgurata likwidità biżżejjed u biex jiġi protett il-valur tal-investimenti. Wara s-sħubija tal-Bank fl‑Eurosistema, l-għan prinċipali tal-investimenti tal-Bank hu biex isir l-aktar qligħ possibbli filwaqt li jiġu żgurati l‑valur u l-likwidità tal-portafoll tal-investimenti skont parametri approvati mill-Bord.

Il-Bank, flimkien ma' membru ieħor tal-Eurosistema, jimmaniġġja portafoll ta' riżervi barranin f'isem il-Bank Ċen­trali Ewropew.