News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2018

30/11/2018

Ħruġ ta’ muniti tad-deheb (bullion) bit-titlu ‘Melita’ għas-sena 2018

Fit-30 ta' Novembru 2018, il‑Bank Ċentrali ta' Malta, f'kollaborazzjoni mal‑Lombard Bank plc, ser joħroġ tliet muniti tad‑deheb (bullion). Il‑muniti, li huma valuta legali f'Malta, ser joħorġu fi tliet piżijiet u denominazzjonijiet differenti. L‑ikbar munita għandha valur nominali ta' €100 u tiżen uqija troy, ekwivalenti għal 31.10 grammi. Il‑munita li tiżen nofs uqija (15.55 grammi) ser ikollha valur nominali ta' €50, filwaqt li l‑munita li tiżen kwart ta' uqija (7.77 grammi) ser ikollha valur nominali ta' €25.

Il‑muniti juru l‑figura ta' Melita fuq in‑naħa ta' wara u l‑emblema ta' Malta fuq in‑naħa ta' quddiem. Il‑muniti huma maħdumin f'0.999 deheb (24 karat) minn PAMP S.A. Mint fl‑Iżvizzera u jikklassifikaw fost l‑aktar muniti puri uffiċjali tad‑deheb (bullion) disponibbli madwar id‑dinja.

Il‑figura ta' Melita li tidher fuq il‑muniti hija ispirata minn dik maħluqa mill‑artist Edward Caruana Dingli għal sett ta' bolol postali li kienu ħarġu ftit wara li Malta ngħatat tmexxija awtonoma fl‑1921. Melita hija figura femminili allegorika, li tissimbolizza lil Malta, liebsa elmu u korazza klassiċi, bit‑tmun f'idejha - allużjoni għall‑fatt li fl‑1921, bil‑kostituzzjoni l‑ġdida għal tmexxija awtonoma, Malta kienet meqjusa li qed tieħu l‑kontroll tad‑destin tagħha.

Il‑muniti ser jinħadmu skont id‑domanda. Għalhekk, in‑numru totali ta' muniti maħduma jista' jvarja minn sena għal sena. Madankollu, bl‑eċċezzjoni tas‑sena tal‑ħruġ murija fuq in‑naħa ta' quddiem tal‑munita, huwa maħsub li d‑disinn jibqa' l‑istess kull sena.

Il‑muniti huma ċċertifikati u ppreżentati individwalment f'kard issiġillata. Kull munita ser ikollha profil uniku li jista' jiġi vverifikat permezz ta' VERISCAN, sistema innovattiva ta' sigurtà tal-PAMP li tawtentika d-deheb (bullion). L‑iskannjar, bl‑użu ta' applikazzjoni fuq smartphone, jawtentika l‑munita.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC) u mis‑sit elettroniku tal‑MaltaPost. Minħabba li l‑muniti huma kklassifikati bħala deheb ta' investiment, il‑prezz tagħhom ser jiġi bbażat fuq il‑prezz tal‑kontenut ta' metall fis‑swieq internazzjonali. Għalhekk, il‑prezzijiet ser jiġu kkwotati fil‑mument tal-bejgħ. Il‑muniti huma wkoll eżentati mill‑VAT.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email, jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8, jew billi jikkuntattja lill‑MaltaPost.

Ħruġ ta’ muniti tad-deheb (bullion) bit-titlu ‘Melita’ għas-sena 2018

Ħruġ ta’ muniti tad-deheb (bullion) bit-titlu ‘Melita’ għas-sena 2018

Ħruġ ta’ muniti tad-deheb (bullion) bit-titlu ‘Melita’ għas-sena 2018

Lura lejn l-Arkivju