MEDSEA
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta żviluppa mudell ta' Dynamic Stochastic General Equilibrium (DSGE) għal Malta, bl‑isem ta' MEDSEA (Malta's Elementary DSGE ‑ A Small open economy in the EA). Dan il‑mudell ġie żviluppat wara tliet snin ta' kooperazzjoni teknika mal‑Banca d'Italia.
Il‑mudell huwa simili għal mudelli oħrajn ta' ekonomiji miftuħa żgħar u jinkludi numru ta' frizzjonijiet nominali u reali li jippermettu li l‑mudell jirreplika r‑reazzjoni dgħajfa ta' fatturi ekonomiċi varjabbli ddokumentati f'riċerka empirika. B'differenza mill‑mudelli tradizzjonali, il‑formuli matematiċi kollha f'dan il‑qafas ġejjin strettament minn teorija ekonomika taħt is‑suppożizzjoni ta' aspettattivi razzjonali u li jħarsu 'l quddiem. Għalhekk il‑MEDSEA jista' jippermetti imġiba antiċipatorja mill‑individwi u l‑kumpaniji li joperaw fl‑ekonomija.
Il‑MEDSEA jinkludi modifikazzjonijiet ewlenin li ġew iddisinjati sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni l‑karatteristiċi speċifiċi ta' Malta. Il‑mudell jiddistingwi bejn settur negozjabbli u settur mhux negozjabbli li jirrifletti n‑natura differenti tal‑esportazzjoni meta mqabbla ma' produzzjoni oħra bl‑iskop għall‑użu domestiku. Il‑mudell juri l-ispejjeż tad-distribuzzjoni fis‑settur tal‑esportazzjoni,u għalhekk jippermetti li jkun hemm differenza bejn il‑prezzijiet tal‑esportazzjoni bl‑ingrossa u dawk bl‑imnut. Fid‑dawl tal‑isħubija ta' Malta f'unjoni monetarja, il‑MEDSEA jinkludi rata tal‑interess u rata tal‑kambju nominali li huma stabbiliti skont fatturi esterni. Il‑mudell hu kkalibrat sabiex jaqbel mal‑proporzjonijiet ewlenin osservati fid‑data Maltija.
Fl-2017, il-MEDSEA ġie estiż bi blokka fiskali dettaljata. Fuq in-naħa tad-dħul tal-gvern, ir-Ricardian equivalence hija maqsuma bil-preżenza ta' taxxi distorsivi fuq il-konsum, id-dħul tal-ħaddiema u d-dħul minn kapital. Fuq in-naħa tal-infiq, il-gvern juża ħaddiema tas-settur pubbliku u xiri ta' prodotti u servizzi sabiex jipproduċi prodotti pubbliċi li jidħlu fil-funzjoni tal-utilità ta' individwi privati. B'hekk jintroduċi kompromess bejn għajnuna li ssaħħaħ il-prodotti pubbliċi u l-allokazzjoni ħażina tal-ħaddiema u tal-prodotti kkaġunata mill-infiq tal-gvern. Din l-estensjoni tippermetti analiżi aktar fid-dettall tal-effetti ta' tibdil fl-infiq u l-investiment tal-gvern, kif ukoll fis-sistema tat-taxxa tal-ekonomija Maltija b'mod teoretikament konsistenti.
Fl-2020, impjegati fi ħdan ir-Research Department estendew il-MEDSEA bl-introduzzjoni ta’ djar u kreditu. Din l-estensjoni tipprovdi rwol għall-politika makroprudenzjali, permezz tal-implimentazzjoni ta' politika kontroċiklika sabiex twieġeb għal żieda eċċessiva fl-indiċi ta’ lieva finanzjarja madwar l-ekonomija kollha.
Il‑MEDSEA, flimkien mal‑estensjonijiet futuri tiegħu, huwa maħsub biex jikkomplementa l‑għodod eżistenti għall‑analiżi politika li huma disponibbli fil‑Bank Ċentrali ta' Malta.
MEDSEA: A small open economy DSGE model for Malta
MEDSEA: A small open economy DSGE model for Malta with fiscal extension
MEDSEA-FIN: A small open economy DSGE model for Malta with housing and financial frictions
Studji li jużaw il‑MEDSEA:
The macroeconomic effects of closing the public sector capital gap in Malta
The macroeconomic effects of efficiency gains in electricity production in Malta