Ekonomija

MaCGE-MOD – L-Ewwel Mudell ta’ Ekwilibriju Ġenerali Komputabbli għal Malta

Il-biċċa l-kbira tal-mudelli ekonomiċi żviluppati u użati mill-banek ċentrali huma ta' natura makro u għalhekk utli ħafna fl-analiżi tal-effetti ekonomiċi aggregati tax-xokkijiet eżoġeni għad-deċiżjonijiet ta' politika fi ħdan il-frekwenza taċ-ċiklu tan-negozju. Madankollu, ħafna mhumiex imfassla biex jintraċċaw l-effetti tax-xokkijiet f'livell settorjali diżaggregat u lanqas ma huma intiżi jaqbdu l-interkonnessjonijiet settorjali li jistgħu jsawru ħafna d-dinamika makroekonomika b'reazzjoni għax-xokkijiet aggregati.

Fid-dawl ta' dan, il‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'kollaborazzjoni mal‑Università ta' Macerata, żviluppa l‑ewwel Mudell ta' Ekwilibriju Ġenerali Komputabbli għal Malta, bl‑isem MaCGE‑MOD. Dan il-mudell jikkumplimenta sforzi riċenti oħra ta' mmudellar fil-Bank immirati sabiex analiżi settorjali ta' xokkijiet jew politiki, bħall-estensjoni settorjali ta' STREAM issir inqas diffiċli.

MaCGE-MOD hu mudell multi-input, multi-output u multisettorjali CGE kkalibrat fuq il-Matriċi tal-Kontabilità Soċjali 2015 (SAM) għal Malta. Il-Matriċi tirreġistra l-valur tat-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu prodotti, attivitajiet ta' produzzjoni u setturi istituzzjonali tal-ekonomija. Il-Matriċi għal Malta li hi ta' sapport għal MaCGE-MOD hija diżaggregata ħafna, u tinkludi t-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu 44 attività ta' produzzjoni differenti fl-ekonomija Maltija. Kull waħda minn dawn l-attivitajiet tagħmel użu minn prodotti intermedji, ħaddiema, u kapital biex tipproduċi l-produzzjoni domestika, li mbagħad tista' tiġi diżaggregata f'44 prodott differenti. Il-Matriċi tirreġistra wkoll il-flussi ta' dħul primarju u sekondarju fost is-setturi istituzzjonali differenti fl-ekonomija Maltija, u b'hekk tipprovdi rappreżentazzjoni sħiħa tal-fluss ċirkolari tad-dħul.

Il-mudell għandu l-għeruq tiegħu fil-prinċipji ta' ekwilibriju ġenerali Walrasian, għalkemm titbiegħed minn uħud mill-karatteristiċi tradizzjonali Walrasian billi jippermetti l-formazzjoni ta' qgħad involontarju, il-preżenza ta' riġiditajiet fid-deċiżjonijiet dwar il-konsum għall-Gvern, u b'hekk fil-bilanċ tal-għeluq tiegħu, u fil-bilanċ nett tal-għeluq mal-bqija tad-dinja. Billi jsolvi s-sistema ta' ekwazzjonijiet b'xokk jew politika partikolari fis-seħħ, il-mudell jiġġenera sett ġdid ta' varjabbli makroekonomiċi diżaggregati, b'differenzi relattivi għal dawk ta' referenza rreġistrati fil-Matriċi u b'hekk jippermettu l-kwantifikazzjoni tal-impatt ekonomiku tax-xokk. Il-mudell huwa statiku, u l-impatt ekonomiku tax-xokk simulat mill-MaCGE-MOD jirrifletti l-effett totali fuq żmien medju ladarba l-effetti diretti, indiretti u indotti kollha jkunu ppropagati mill-ekonomija. 

MaCGE-MOD ser ikun għodda utli biex wieħed jifhem l-effetti settorjali ġġenerati minn xokkijiet aggregati filwaqt li jitqiesu l-interazzjonijiet kumplessi li jirriżultaw mir-rabtiet settorjali li jeżistu fil-proċess tal-produzzjoni tal-ekonomija. Barra minn hekk, il-granularità tal-Matriċi li tkun ta' sapport għall-mudell tippermetti wkoll lill-utenti jittraċċaw l-effetti ta' xokk fuq movimenti fil-fluss ċirkolari tad-dħul fl-ekonomija u b'hekk jiġu rintraċċati l-effetti tal-bidliet fil-politika fuq l-aġenti ekonomiċi differenti. Permezz tal-granularità preżenti fil-Matriċi, u konsegwentement fil-MaCGE-MOD, il-mudell jista' jakkomoda wkoll xokkijiet speċifiċi għas-settur. Din tfisser żieda utli ħafna u aktar flessibbli mas-sett attwali ta' mudelli użati fil-Bank.